Saturday, November 23, 2024

It-turiżmu domestiku jpatti ftit għat-tnaqqis minn barra

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aħħar ċifri nazjonali dwar it-turiżmu juru li waqt li l-imxija tal-COVID-19 naqqset b’mod qawwi l-wasliet tat-turisti barranin dak intern żdied sew u patt xi ftit għalih.

Il-figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li fit-tielet kwart tas-sena aktar mid-doppju tal-Maltin u tal-Għawdxin għażlu li jqattgħu lejl f’lukandi f’pajjiżna.

Waqt li fl-2019 kien hemm ftit aktar minn 43,000 Maltin u Għawdxin li ħadu vaganza f’lukanda f’pajjiżna bejn Lulju u Settembru, fl-istess xhur tal-2020 dan tela għal 97,325 li jfisser żieda ta’ kważi 54,300 persuna jew tkabbir ta’ 126%.

L-aktar li gawdew minn dan l-iżvilupp kienu l-lukandi ta’ erba’ stilel li raw in-numru ta’ turisti minn pajjiżna stess jiżdiedu bi kważi 32,000. 

Din tfisser li bejn Lulju u Settembru 2020 kien hemm tliet darbiet l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li qagħdu ġo lukandi ta’ erba’ stilel f’pajjiżna meta mqabbel ma’ sena qabel. 

Anke l-lukandi ta’ 5 stilel raw qabża kbira, bi kważi 11,000 resident aktar jew żieda ta’ 67% fuq l-2019.

L-istatistika turi li mhux biss l-istabbiliment Għawdxin marru tajjeb imma anke dawk Maltin hekk kif miż-żieda ta’ kważi 54,300 turist lokali, 50,100 kienu f’lukandi u f’akkomodazzjoni kollettiva fil-gżira Maltija.

In-numru ta’ turisti lokali f’Għawdex żdiedu bi kważi 4,200 u jekk wieħed iħares lejn lukandi Għawdxin ta’ erba’ stilel it-turisti Maltin irduppjaw meta mqabbel mal-2019.

Fejn jidħlu l-lukandi Għawdxin ta’ ħames stilel Għawdxin l-ammont ta’ turisti lokali tela’ għal aktar minn 6,000 li huwa darba u nofs aktar mill-ammont ta’ turisti barranin li kienu qagħdu fihom fis-sajf tal-2019.

Skont l-NSO l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li siefru barra minn pajjiżna għal btala fis-sajf tal-2020 kien 125,000 anqas mis-sena ta’ qabel u jidher li kważi nofshom għażlu li jqattgħu btala f’lukandi u fi stabbilimenti f’pajjiżna.

Il-Gvern iddeskriva dawn ir-riżultati bħala turija ta’ kemm il-miżuri ekonomiċi li ħa ħallew impatt pożittiv fuq il-poplu mbagħad fuq is-settur.

Huwa rrimarka li r-rawnd li jmiss tal-vawċers għandhom jerġgħu jagtu spinta kbira lid-domanda domestika u jgħinu lin-negozji jibqgħu għaddejjin.

Sport