“F’din il-leġiżlatura t-turiżmu kiseb rikonoxximent akbar fil-governanza tal-Unjoni Ewropea. Xhieda ta’ dan hija l-ħidma kontinwa tat-Task Force tat-Turiżmu fi ħdan il-Kumitat TRAN u l-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew iddedikat għat-Turiżmu. Dan jirrifletti wkoll approċċ aktar strutturat u strateġiku biex dan is-settur jiġi appoġġat dejjem aktar.”
Iddikjara dan il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard f’kummenti ma’ dan is-sit L-MEP Attard riċentament kien inħatar bħala n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar il-viżjoni tat-turiżmu sostenibbli fl-Ewropa. Din il-ħatra saret f’mument deċiżiv hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tfassal l-istrateġija ġdida tagħha biex tittrasforma s-settur tat-turiżmu tal-UE f’industrija aktar sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva.
Fil-kummenti tiegħu, Daniel Attard innota li sar progress sinifikanti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE. “Il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel il-QFP li jmiss aktar sempliċi u effiċjenti billi tikkonsolida l-programmi u tnaqqas l-ostakli burokratiċi – sfidi li ilhom jaffettwaw lil dawk li jibbenefikaw mill-finanzjament.”
L-MEP Attard kompla jgħid li t-turiżmu issa huwa identifikat bħala prijorità fil-QFP li jmiss, ħaġa partikolarment importanti għal ekonomiji li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu, bħal Malta. “Ftehimiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali se jibnu fuq il-finanzjament eżistenti tal-Politika ta’ Koeżjoni, bit-turiżmu sostenibbli elenkat bħala għan speċifiku. Dan jiżgura li l-Istati Membri u r-reġjuni jindirizzaw il-ħtiġijiet lokali tagħhom fit-turiżmu. Il-Fond tal-Kompetittività se jkompli jappoġġja lill-SMEs hekk kif se jxaqilbu lejn prattiċi ta’ turiżmu aktar sostenibbli.”
“Barra minn hekk, il-programm il-ġdid AgoraEU se jippromwovi r-rotot kulturali u s-siti ta’ wirt storiku inqas magħrufa fl-Ewropa, sabiex jissaħħaħ it-turiżmu kulturali.
“It-turiżmu huwa inkluż taħt il-kategorija usa’ tal-budget “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, agrikoltura, prosperità u sigurtà rurali u marittima,” flimkien mas-sajd u l-komunitajiet rurali, b’allokazzjoni totali ta’ €452.975 miljun. Madankollu, l-istruttura speċifika tal-finanzjament għat-turiżmu għadha mhix ċara,” qal Attard.
Huwa temm jgħid li l-Parlament Ewropew qed ikompli jinsisti għall-ħolqien ta’ linja ta’ budget dedikat bi prijoritajiet definiti b’mod ċar. Qal li fis-snin li ġejjin, ħafna se jiddependi fuq kif il-Fond tal-Kompetittività u l-programm AgoraEU jappoġġjaw l-inizjattivi marbuta mat-turiżmu.