Saturday, July 19, 2025

It-turiżmu jingħata prijorità għall-ewwel darba fl-MFF 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aħbar li t-turiżmu qed jingħata prijorità fil-budget propost ġdid tal-Kummissjoni Ewropea għas-snin 2028-2034 kienet milqugħa b’mod pożittiv mill-membri tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fi ħdan il-Parlament Ewropew fosthom l-MEP Malti Dr Daniel Attard. 

Dr Attard riċentament kien inħatar bħala n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar il-viżjoni tat-turiżmu sostenibbli fl-Ewropa. Din il-ħatra saret f’mument deċiżiv hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tfassal l-istrateġija ġdida tagħha biex tittrasforma s-settur tat-turiżmu tal-UE f’industrija aktar sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva. 

F’dan il-kuntest, l-Ewroparlamentari Laburista fisser li t-turiżmu ma jistax u m’għandux jitqies f’iżolament, iżda fil-kuntest tas-setturi kollha li jimpatta: it-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien tal-ambjent u l-kompetittività ekonomika.

Dr Attard żied li “t-turiżmu għandu jkun forza ekonomika, opportunità ta’ impjieg u mezz ta’ mobilità soċjali. L-għan hu li jkollna strateġija konkreta li twieġeb għas-sfidi komuni, tipproteġi l-wirt kulturali, u tagħti futur aħjar lil kulħadd, sew l-industrija, il-ħaddiema, in-negozji żgħar, il-familji u l-komunitajiet”.

Huwa qal ukoll li l-ħidma tiegħu se tkun iffukata biex Malta u Għawdex ikunu parti minn viżjoni Ewropea li tpoġġi r-reġjuni żgħar u gżejjer fuq quddiem nett tal-iżvilupp turistiku sostenibbli.

L-aħbar li t-turiżmu se jingħata prijorità għall-ewwel darba fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid ingħatat mill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Sostenibbli u t-Turiżmu Apostolos Tzitzikostas meta aktar kmieni din il-ġimgħa kien qed jindirizza l-membri tal-imsemmi Kumitat.

Il-Kummissarju Ewropew Tzitzikostas esprima s-sodisfazzjon tiegħu li t-turiżmu sostenibbli għandu għan speċifiku taħt il-fond. Għalhekk tenna li l-Istati Membri u r-Reġjuni jistgħu jappoġġjaw is-settur tat-turiżmu u jqisu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Il-Kummissarju Tzitzikostas żied jgħid li l-fond ta’ kompetittività se jappoġġja wkoll lill-SMEs biex ikun hemm hemm tranżizzjoni fit-turiżmu li tkun aktar sostenibbli. Tkellem ukoll dwar il-programm Agora-EU li jiffoka fuq il-wirt kulturali Ewropew u destinazzjonijiet li jkunu aktar appoġġjati biex ikun hemm dawn ir-rotot u siti kulturali.

Huwa żied jinnota kif il-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa (CEF) mhux biss ser tissokta imma se jkollha budget għat-trasport ta’ €51.5 biljun, darbtejn aktar mill-budget li hemm fl-MFF attwali. “Nemmen li lkoll kemm aħna, il-komunità għat-trasport, nistgħu nkunu sodisfatti b’din il-proposta,” qal il-Kummissarju Tzitzikostas. 

Huwa rrefera wkoll għall-fatt li dan il-pakkett se jinkludi fih €17.65 biljun għall-mobiltà militari u enfasizza li “rridu nkomplu nipproċedu bi proġetti kritiċi mal-Ukrajna u l-Moldova kif ukoll il-Balkani tal-Punent.”.

“Irnexxielna flimkien niżguraw li s-CEF ikompli sal-MFF li jmiss u rnexxielna flimkien nasisiguraw li jkun hemm fondi adegwati għall-infrastruttura u l-proġetti infrastrutturali u t-trasport għas-snin li ġejjin. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ u l-għajnuna tagħkom,” temm jgħid il-Kummissarju Tzitzikostas. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport