Monday, February 26, 2024

It-turiżmu lejn Malta mistenni jiżdied b’2.5% fuq l-2019

Aqra wkoll

Waqt ir-raba’ laqgħa tal-MCESD għal din is-sena, id-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-rapport dettaljat li għamlet l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, dwar kemm jifilħu turisti l-gżejjer Maltin.

Liema rapport, li hu magħruf aħjar bħala l-‘Carrying Capacity Report for Tourism in the Maltese Islands’, iffoka fuq it-turiżmu u l-infrastruttura assoċjata. L-imsieħba soċjali pprovdew reazzjonijiet sinifikanti għall-kapaċità potenzjali tat-turiżmu f’Malta, kif spjegat fir-rapport ikkummissjonat mill-MHRA u mħejji minn Deloitte Malta.

Il-preżentazzjoni saret quddiem il-Kunsill kollu tal-MCESD, fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

Il-President tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra, introduċa s-suġġett, fejn enfasizza l-irwol sinifikanti tal-industrija tat-turiżmu f’Malta. Huwa enfasizza li r-rapport jindika li Malta jkollha bżonn tattira 4.7 miljun turist biex takkomoda ż-żieda ppjanata fl-akkomodazzjonijiet fil-lukandi. Is-Sur Zahra saħaq li huwa previst li fl-2024 ikun hawn żieda ta’ 2.5% fit-turisti li jżuru Malta meta mqabbel mal-2019.

Waqt il-preżentazzjoni ta’ Deloitte Malta mis-Sur Michael Zarb, ġie espress it-tħassib dwar il-kapaċità jekk Malta tiflaħx għal numru akbar ta’ turisti, partikolarment f’żoni popolari bħal bajjiet, siti storiċi, u ċentri urbani.

Ir-rapport tkellem dwar il-prijorità li jiġi mmaniġjat u kkontrollat iktar it-turiżmu f’dawn iż-żoni li huma meqjusa bħala popolari mat-turist. Dan għandu jsir ukoll bil-għan li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti titjieb.

Fir-rapport issemma’ wkoll it-tħassib dwar il-kapaċità tal-infrastruttura ta’ Malta, speċjalment tas-sistema tad-drenaġġ li hija ta’ sfida f’żoni turistiċi ewlenin. Ġie osservat li ż-żieda fil-volum tat-turisti f’Malta ħalla impatt pjuttost negattiv fuq l-esperjenza li t-turist ikollu f’pajjiżna, kif ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja tar-resident.

Sfidi addizzjonali jinkludu impatti ambjentali u nuqqas ta’ ħaddiema. Ir-rakkomandazzjonijiet jiffokaw fuq l-għażliet disponibbli għall-Gvern biex jikseb tkabbir turistiku sostenibbli.

L-imsieħba soċjali rringrazzjaw lill-MHRA talli kkummissjonat dan l-istudju, u saħqu fuq il-ħtieġa ta’ ppjanar b’saħħtu u strateġiku biex jissaħħaħ it-turiżmu fid-dawl li l-kompetizzjoni hija waħda kbira. Huma approvaw inizjattivi u proġetti mmirati biex jissaħħu l-bżonnijiet ta’ Malta filwaqt li jiġu indirizzati t-tħassib tar-residenti u tan-nuqqas ta’ ħaddiema lokali.

Filwaqt li saħqu fuq l-importanza li tiġi ppreservata l-kwalità tal-ħajja għar-residenti Maltin u Għawdxin, huma ħeġġew analiżi komprensiva u ppjanar strateġiku f’oqsma ewlenin fosthom is-suq tax-xogħol, il-bejgħ, l-iżvilupp, u t-trasport.

L-imsieħba soċjali saħqu wkoll dwar iktar investimenti biex jiżdied l-aċċessibilità f’żoni li mhumiex daqstant frekwentati, speċjalment fejn jidħlu bajjiet. L-iskart ukoll kien topiku fil-kummenti tal-imsieħba soċjali.

Il-Ministru Clayton Bartolo laqa’ r-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u saħaq fuq l-importanza li jkun hemm bilanċ bejn il-kwalità u l-kwantità fit-turiżmu. Huwa tkellem dwar il-pjan tal-gvern għall-konnettività bl-ajru aħjar għal pajjiżna, u jiġu attirati swieq ġodda bħas-suq Amerikan u postijiet li għandhom profil ta’ infiq għoli fl-Ewropa u l-Asja.

Madankollu, il-Ministru enfasizza li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan li jattira volumi turistiċi ta’ 4.7 miljun kif proġettat fir-rapport, u ħeġġeġ lill-lukandiera biex jinvestu b’mod intelliġenti minħabba li l-kompetizzjoni hija waħda kbira u ta’ sfida.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul spjega kif id-diskussjonijiet waqt din il-laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD kienu ferm inkoraġġanti, fejn ir-rapport tal-MHRA tefa’ dawl fuq l-isfidi li l-industrija tat-turiżmu għandha f’Malta.

L-Onor. Ellul saħaq li huwa ta’ importanza kbira li jkun hemm bilanċ bejn it-tkabbir turistiku u s-sostenibbiltà, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tibqa’ tkun ta’ prijorità.

Waqt it-tieni parti tal-laqgħa, Kooperativi Malta ġew mistiedna fil-Kunsill tal-MCESD biex jippreżentaw il-kontribut għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ Malta. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Kooperativi Malta, is-Sur Daniel Schembri, enfasizza l-irwol importanti tal-kooperattivi f’diversi oqsma li jsostnu ħafna intrapriżi soċjali u ekonomiċi u li jikkontribwixxu għall-ġid soċjoekonomiku tal-pajjiż.

L-imsieħba soċjali irreaġixxew b’mod pożittiv għall-isforzi ta’ Kooperativi Malta u apprezzaw l-importanza tal-kollaborazzjoni fuq numru ta’ inizjattivi.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport