Saturday, December 21, 2024

It-Turiżmu Sportiv fuq nett tal-aġenda tal-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hekk kif matul il-ġim­għa d-dieħla se tintlagħab ir-raba’ edizzjoni tat-Tipsport Malta Cup bis-sehem ta’ erba’ ti­mijiet barranin, dan it-tournament se jkun qed joħloq opportunitá kbira għal turiżmu sportiv mill-aqwa. 

Fil-fatt dan it-tournament internazzjonali ta’ ħbiberija se jkun qed jintlagħab fl-Istadium Naz­zjonali mit-18 sal-24 ta’ dan ix-xahar bit-timijiet parteċipanti jkunu Sigma Olomuc tar-Repubblika Ċeka, Spartak Trnava tas-Slovakkja, Tirol tal-Awstrija u Aalborg tad-Danimarka. 

Ċertament li din l-ediz­zjoni hi l-akbar waħda tax- xorta tagħha fejn għall-ewwel darba, it-timijiet ġejjin minn erba’ pajjiżi differenti. 

Bla dubju,  din hi opportunitá tad-deheb li dawn l-iskwadri barranin se jkunu qed igawdu mhux biss mill-faċilitajiet sportivi tal-Istadium Nazzjonali iżda wkoll se jagħmlu użu mil-lukandi u l-postijiet fejn se jkunu alloġjati. 

Barra minn hekk dan hu wkoll riklam sabiħ għal Malta li hi magħrufa għall- klima Mediterranja li għand­ha. 

Minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija li tinsab fiha d-dinja, dan it-tournament se jsir skont il-protokolli marbuta mal-awtoritajiet tas-saħħa. 

Bla dubju, li l-organizzaturi u kull min kien involut sabiex jinġiebu dawn l-erba’ timijiet minn pajjiżi differenti jimmeritahom kull tifħir fejn filwaqt li dan kollu se jfisser riklam iktar għal pajjiżna, l-iskwadri msemmija se jkunu qed jibbenefikaw mill- faċilitajiet sportivi mill-aqwa li qed toffri l- MFA.

Dan il-ġurnal tkellem mal-Ministru għat-Turiż­mu, Clayton Bartolo, li kien wieħed mill-kelliema waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis li għadda, f’Ta’ Qali. 

Għadna kemm smajna l-aħħar dettalji dwar ir-raba’ edizzjoni tat-Tip Sport Malta Cup. Ċertament li s-sehem ta’ dawn l-erba’ timijiet barranin se jkun importanti biex jingħata riklam kif jixraq lill-prodott turistiku tagħna. Kemm taħseb li hi importanti n-niċċa tat-turiżmu sportiv f’pajjiżna?

Inqis t-turiżmu sportiv bħala niċċa importanti sabiex naraw il-prodott tagħna jiżdied dejjem aktar.

Qed naraw li nibnu dej­jem aktar fuq dak li għamilna s’issa. Aħna bħala Gvern qed ngħinu lil kull min hu involut f’din l-industrija sabiex ngħinuhom jiżviluppaw u jkabbru r-riżorsi tagħhom. 

Ninsab kuntent li kumpanija bħal MFA Sports Plus qed ikollha riżultati sbieħ fejn irnexxielha torganizza tliet tournaments oħra ta’ din ix-xorta u din is-sena kabbret aktar l-organizzazzjoni tagħha hekk kif irnexxielha tattira erba’ timijiet minn pajjiżi diffe­renti. 

Dan kollu qed iseħħ minkejja t-theddida li qed niffaċċjaw minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Bla dubju,  jekk insemmu t-turiżmu sportiv bħala niċċa importanti f’dan il-qasam, ma nistgħux nibq­għu biss fuq il-football li naf li hu l-iktar sport segwit kullimkien. 

Huwa għalhekk li din il-kumpanija qed twessa’ l-operat tagħha u timraħ fi sport ieħor li nafu li jkollna riżultati sbieħ fosthom l- għawm, iċ-ċikliżmu u l-atletika. 

Sadanittant waqt dan it-tournament, b’sodisfaz­zjon ngħid li se jkun hemm 3,300 sodda okkupata fil-lukandi fejn se jkunu alloġġjati t-timijiet u d-diriġenti tagħhom. 

Se jkun hemm ukoll preżenti 43 media houses minn dawn il-pajjiżi u ċertament meta t-telespettaturi, il-qarrejja u s-segwaċi fuq l-internet se jaraw l-ambjent li joffru l-Gżejjer Maltin, il-faċilitajiet sportivi fejn se jkunu qed jitħarrġu dawn it-timijiet, bla dubju se jkun riklam mill- isbaħ għat-turiżmu futur tagħna. 

Dawn huma kollha opportunitajiet importanti sabiex inkabbru l-prodott turistiku tagħna speċjalment f’dan ix-xahar li normalment ikun wieħed  kwiet wara l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Semmejt żewġ aspetti importanti minn dan is-settur ta’ turiżmu sportiv. Liema huma u għaliex tqishom daqshekk  importanti?

Bla dubju, meta nsemmu t-turiżmu b’mod inġenerali, wieħed jista’ jsemmi żewġ setturi ferm importanti. L-ewwel livell huwa l-effett ekonomiku qawwi li jħallu attivitajiet bħal dawn. 

Fil-fatt jiġu ġġenerati flus kbar minn dawn il-persuni li jiġu f’pajjiżna u għalhekk hawnhekk għand­na dħul qawwi. 

Barra minn hekk, wie­ħed ma jistax ma jinkludix ukoll l-element ta’ pubbliċitá li se jħalli dan it-tournament. 

Apparti li l-mezzi tax- xandir se jkunu qed iduru madwar ċerti postijiet fejn se jkunu l-players u d-diriġenti filwaqt li japprezzaw il-loġistika ferm dettaljata li ġiet ippjanata. 

Fl-istess waqt, kif jgħidu l-kelma timxi u aħna rridu li aktar nies mill-pajjiżi li ser jieħdu sehem f’dan it-tournament bħad-Danimarka, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja jiġu jiskopru s-sbuħija tal-Gżejjer Maltin. 

Fil-passat ġew diversi ti­mijiet barranin ta’ livell sabiex jagħmlu l-kamp ta’ taħriġ f’pajjiżna fosthom PSV Eindhoven u Fiorentina. Hemm xi ċans li nerġgħu naraw xi timijiet ta’ kalibru jagħmlu s-sessjonijiet ta’ taħriġ hawn Malta?

Nemmen li Visit Malta qed tagħmel dak kollu possibbli sabiex tattira aktar timijiet ta’ profil għoli f’paj­jiżna. 

Kif nafu ftit tax-xhur ilu, kien hemm pjan sabiex it-team li jilgħab fil-Premier League Ingliż, Manchester United, jiġu Malta għall-kamp ta’ taħriġ. 

Minkejja kollox, il-pandemija tal-Covid-19 ippos­poniet din iż-żjara għal­kemm m’aħniex qalbna maq­tugħa li xi darba din il-ħolma li tolqot direttament lil diversi partitarji u dilettanti tal-football Maltin issir realtá. 

Minkejja kollox, hemm ukoll proġetti li Visit Malta qed taħdem għalihom u ninsabu viċin li nħabbru xi ħaġa għalkemm dettalji għandhom joħorġu aktar ‘il quddiem. 

Minkejja kollox, jidher li l-futur tat-turiżmu sportiv f’Malta mhux biss qed ikom­pli jiffjorixxi iżda sa­ħansitra jikber hux hekk?

Iva naqbel miegħek! Aħna qed naħsbu sabiex fost l-oħrajn noħorġu b’aktar inizjattivi biex inkab­bru l-profil tat-turiżmu Malti. 

Nemmen li hemm potenzjal kbir fit-turiżmu sportiv li għadna rridu niżviluppawh. Li hu ċert hu li ninsabu mexjin fit-triq it-tajba.

Ma ninsewx li meta t-turisti jiġu Malta, dawn jiġ­ġeneraw ħafna xogħol fost il-Maltin u kull min jaħ­dem f’dan il-qasam fost­hom xufiera, ħaddiema tal- lukandi u ristoranti u nies oħra li jagħtu l-kontribut tagħhom fil-qasam tat-turiżmu.  

Hija xi ħaġa naturali li bħala gvern inkomplu nsostnu dan is-settur u ċertament li se nkomplu ngħi­nu kumpaniji bħal MFA Sports Plus u assoċjaz­zjonijiet oħra li jkunu se jorganizzaw xi avveniment sportiv fil-qasam internaz­zjonali. 

Mingħandi żgur li se jsibu id ta’ ħbiberija u għaj­nuna kontinwa għax nafu li dawn kollha qed jik­kontribwix­xu għal aktar turiżmu sostenibbli lejn il-pajjiż tagħna.  

Kollha flimkien se nku­nu qed naħdmu id f’id sabiex naraw aktar turisti ji­ġu lejn Malta. 

Ekonomija

Sport