Monday, March 23, 2026

IT-TURIŻMU U L-BARRANIN

Aqra wkoll

Fid-diskussjoni dwar il-futur tat-turiżmu f’Malta, nisimgħu ta’ spiss dwar il-ħtieġa li aktar milli fuq kwantità, nikkonċentraw fuq kwalità. Id-dibattitu dwar hekk dejjem kien għaddej, sa mis-snin tmenin tas-seklu l-ieħor talanqas. Hi kwistjoni importanti li dejjem jagħmel sens li titqajjem, minħabba ċ-ċokon tal-gżejjer imma mhux biss. Matul is-snin ftit tajna kas bis-serjetà tar-rakkomandazzjonijiet li kienu jsiru, u l-kwantità baqgħet tissupera l-kwalità.

Biss hemm kejl ieħor li ta’ min jagħti kasu wkoll. Kemm mill-kontribut ekonomiku li t-turiżmu jagħti lill-pajjiż qed “jibqa’” hawn jew qiegħed direttament jipprovdi xi ftuħ jew benefiċċju lill-“Maltin”? Fil-biċċa l-kbira, it-turisti li jaslu fostna jinġarru hawn minn kumpaniji barranin tal-ajru. Parti sostanzjali mil-lukandi tagħna huma dipendenti fuq katini jew propjetarji barranin. L-istess ir-ristoranti u l-ħwienet tal-ikel. Parti sostanzjali mill-ħaddiema li jaħdmu fl-istabbilimenti turistiċi ta’ kull tip huma barranin. Kemm mill-profitti u mid-dħul tal-ħidma turistika jispiċċa barra l-pajjiż?

Neħtieġu aktar dawl fuq dil-kwistjoni.

L-ABORT

Bla dubju, ż-żifna tas-seba’ veli li l-partiti politiċi baqgħu jilagħbu madwar il-kwistjoni tal-abort u jekk għandux jiġi aċċettat se tkompli għal ftit taż-żmien ieħor. Dan għalkemm messha diġà nqatgħet billi l-abort jiġi permess skont kondizzjonijiet ċari u serji.

Fl-istennija li jiġri hekk, żgur m’għandhiex titkompla sitwazzjoni fejn nisa li jagħmlu abort jiġu mtellgħa l-qorti u kkundannati għal sentenzi ta’ priġunerija, sospiżi jew le. Aktar u aktar għax qed jitpoġġa obbligu fuq it-tobba li jikkurawhom biex jirraportaw lill-pulizija meta l-abort jikkawża xi kumplikazzjoni. Hi xinhi s-soluzzjoni legali biex dil-ħaġa tinqata’, għandha titwettaq. Gvern u Oppożizzjoni ma jistgħux jibqgħu jilagħbu l-logħba fejn skont l-espressjoni Ingliża, “itellqu mal-fniek u jikkaċċjaw mal-klieb”.

ĦADD MHU SE JIRBAĦ

Bit-taħwid li baqa’ għaddej fl-informazzjoni li taslilna dwar il-gwerra fl-Iran diffiċli tgħid kif se tispiċċa (nassumi li se jkun hemm xi tmiem mhux wisq ’il bogħod). Biss jiġri x’jiġri, ħaġa waħda tispikka – ħadd mhu se jirbaħ tassew u ħafna se jitilfu ħafna. Fuq quddiem nett f’tal-aħħar, il-popli tal-Iran u tal-Palestina. 

Biss anke dawk li mill-bidu dehru militarment minn fuq x’aktarx li ma jistgħux jispiċċaw rebbieħa, kif stennew jew ittamaw, minkejja kull dehra minn barra. B’“rebħa”, l-Istati Uniti xorta se jidhru iżolati aktar minn qatt qabel u anqas fdati, li għal pajjiż li jrid jerġa’ jsir “kbir” mhuwiex żvilupp ta’ min jixtiequ. U l-Iżrael se jkollu jikkonferma li minkejja d-dominanza militari tiegħu fil-Lvant Nofshani, se jkun baqa’ bogħod sew milli saħħaħ realment is-sigurtà tiegħu kemm fir-reġjun u kemm fl-appoġġ mill-komunità internazzjonali

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport