Sunday, November 24, 2024

“It-twessigħ fl-aċċessibiltà għall-għajnuna legali hi miżura ta’ ġustizzja soċjali” – il-Ministru Edward Zammit Lewis

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis iddikjara li l-emenda sabiex titwessa’ l-aċċessibiltà għall-għajnuna legali, fejn il-valur nett sabiex persuna tkun eleġibbli se jiġi aġġornat għal €13,000, se twassal biex mijiet ta’ persuni jkunu jistgħu jgawdu minn din l-istess għajnuna. Huwa ddeskriva din il-miżura bħala waħda “ta’ ġustizzja soċjali.”

Huwa ddikjara dan fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li l-għan tiegħu huwa li tiġi aġġornata l-liġi attwali sabiex persuni fil-faqar ikun jista’ jkollhom liġi ta’ ttestjar tal-mezzi aktar ġusta u raġjonevoli li tirrifletti l-għoli tal-ħajja attwali ta’ nies ifqar fis-soċjetà.

Il-Ministru Zammit Lewis staqsa: “X’tiswa li tgħid li għandek ġustizzja soċjali jekk persuna għandha dritt u ma tistax tħallas, ma tistax tidħol il-Qorti? Jew tiġi persuna jgħid ‘tant jiena b’saħħti finanzjarjament, ma jkollux raġun, u jdaħħlek il-Qorti għax ma tistax tħallas’.”

Huwa qal li l-abbozz huwa ispirat milli l-ewwel ħaġa nagħtu aċċess bl-informatika għan-nies. Tenna li se jkunu qed jiġu megħjuna dawk in-nies li huma finanzjarjament ristretti billi jingħataw l-aħjar rappreżentanza legali li hemm bżonn.

“Din hi miżura ta’ ġustizzja soċjali li min qiegħed taħt għandu jkollu l-istess drittijiet ta’ aċċessibilità għall-ġustizzja daqs kemm hi għal min qiegħed fuq. Dan il-Gvern jemmen f’dan il-prinċipju u għalhekk qed jitressaq dan l-abbozz,” temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis. 

Sport