“Grazzi tal-messaġġi però impossibli nirrispondihom kollha – fejn nista’ qed nirrispondi. Itolbu lill-Madonna ta’ Pinu l-iktar għal Baby Noah imbagħad għalina. Dak kull ma qed nitolbu. Kellna żewġ mirakli żgħar f’dawn il-ftit sigħat però it-triq hi għat-telgħa u ħa tibqa’ tkun għat-telgħa għal tul ta’ żmien. Lesti nagħmlu kollox kif dejjem għamilna”.
Dan kien il-messaġġ li wassal Simon Mizzi, missier ta’ tifel ta’ sena u erba’ xhur li jinsab fil-periklu tal-mewt wara li lbieraħ sab ruħu f’diffikulta wara li waqa’ f’pixxina ta’ residenza privata fix-Xagħra, Għawdex.
Fl-istess messaġġ, Mizzi qal ukoll; “Nitolbukom tkunu ta’ kuraġġ l-iktar għal Joanna, għalija u tlett itfal l-oħra. Madonna ta’ Pinu ħarisna. Mulej nafdaw fik. Grazzi Mulej”
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7:30 p.m., fi Triq Ġnien Imrik. Il-Pulizija, flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex marru fuq il-post immedjatament, fejn hemmhekk sabu lit-tifel mitluf minn sensih.