Friday, November 15, 2024

“Iva baqa’ umanità … Meta taraw ambulanza pruvaw agħmlu wisgħa”

Aqra wkoll

“Iva baqa’ umanità anke jekk ħafna drabi naraw kummenti negattivi dwar is-sewwieqa Maltin”. Iddikjara dan fuq kitba fuq il-profil tiegħu wieħed mill-membri tat-timijiet mediċi fl-Isptar Mater Dei b’reazzjoni għal esperjenza li kellu fl-aħħar sigħat.

Huwa kompla biex jgħid li lbieraħ għall-ħabta tal-4:50 p.m kienu għaddejjin  mil-limiti tal-Marsa u Ħal Luqa, ovjament biex jassistu persuni li jkunu involuti f’xi inċident meta nqabdu f’konġestjoni kbira tat-traffiku.

Għalkemm stqarr li ma jiftakarx eżatt liema vetturi kienu, huwa qal li ma setax jibqa’ ma jirringrazzjax pubblikament lil xi sewwieqa li b’sempliċi moviment għamlu d-differenza biex huma setgħu jkomplu sejrin biex jassistu skont is-sejħa.

Huwa qal li fi ftit sekondi kien hemm tliet sewwieqa partikolari li f’sitwazzjoni pjuttost kritika minħabba l-ħin li fih ħafna persuni jkunu fi triqithom lura lejn id-dar, għamlu l-impossibbli biex jagħtu sehemhom.

Dan hekk kif meta sewwieqa minnhom niżlet biex tneħħi xi lqugħ li seta’ jitressaq biex tgħaddi l-ambulanza, tnejn oħra kienu pronti niżlu u assistewha biex l-ambulanza baqgħet għaddejja mingħajr telf ta’ ħin li f’ċertu ċirkostanzi tkun bejn ħajja u mewt.

“Grazzi għal nies bħalkom nieħu pjaċir ninnota li f’din il-gżira għad hawn umanità u tajjeb li minnkom jieħdu l-eżempju persuni oħrajn biex meta jarawna kemm jista’ jkun jgħinuna nkomplu b’xogħolna”, temm jgħid ir-raġel.

Ekonomija

Sport