Thursday, April 25, 2024

Iwaddab il-ġebel lejn il-karozza tas-sieħba wara li ma marritx tiekol miegħu

Aqra wkoll

Raġel mill-Maċedonja ta’ 32 sena tressaq il-Qorti akkużat li aggredixxa u li hedded lis-sieħba tiegħu. Hu ġie akkużat li waddab xi ġebel lejn il-karozza tat-tfajla li kienet ipparkkjata.

Hu wettaq dan minħabba li hi rrifjutat li tmur tiekol miegħu.

Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Nadine Lia spjegat kif it-taqsima tal-vjolenza domestika rċeviet rapport nhar il-Ħadd li għadda mingħand is-sieħba tar-raġel.

Il-mara qalet lil pulizija li meta jixrob ammont ta’ alkoħol u anke xi drabi jpejjep sustanzi illegali, ir-raġel jibda jkun aggressiv ħafna. Qalet ukoll li dan l-akkuż fiżiku u anke mentali kien ilu għaddej minn Awwissu tas-sena li għaddiet.
Il-Pulizija qalu li l-vittma tkellmet dwar diversi aċċidenti li seħħew fosthom darba minnhom ġibidha minn xagharha.

Każ ieħor kien meta beda jagħtija bis-sieq u anke spiċċat b’tbenġilha f’għajnejha.

Il-Qorti semgħet kif f’okkażjoni minnhom, il-mara kienet marret f’bar ma’ ħabiba tagħha meta l-akkużat segwiha. Allegatament l-akkużat kien xorob ħafna u beda jgħidilha li kienet marret hemm minħabba li kienn jogħġobha wieħed mill-impjegati. Hu kien beda jakkużha wkoll li kellha x’taqsam ma’ rġiel oħrajn biex taqla l-flus.

Minħabba l-biża’ li kellha fuqha, it-tfajla telqet minn fuq il-post b’taxi u ħalliet il-karozza Buġibba. L-għada meta marret biex tiġborha sabet li kellha ħsarat kbar li jammontaw għas-€6,000. Il-Pulizija qalet li l-karozza kellha ħsara fil-ħġieġa ta’ quddiem u nstab il-briks fuq is-sits tal-karozza. Intqal li aktar tard ċemplilha u qalilha li kien hu li kissrilha l-karozza għax ma marritx tiekol miegħu u li se jħallas għall-ħsarat.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u d-difiża talbet għall-ħelsien għall-arrest. Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni minħabba biża’ ta’ intraċċ tal-provi u għad hemm nies li jridu jixhdu.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Hija qalet lill-prosekuzzjoni biex mal-ewwel opportunità jressqu lill-vittma biex tixhed.

Sport