Wednesday, March 27, 2024

Tisħaq fuq il-bżonn li nipproteġu l-art agrikola u l-ibħra tagħna

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ħin tal-aġġornament fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li dan il-Gvern sema’, u wieġeb għat-tħassib tal-bdiewa tagħna, kif ukoll tal-pubbliku inġenerali fuq l-iżvilupp spekulattiv.

“Sejrin inkunu iktar bilanċjati u fejn hemm bżonn aktar b’saħħitna fl-infurzar tal-pjanijiet eżistenti għall-użu tal-art, u nagħmluha iktar diffiċli biex din tinbidel għal skopijiet mhux agrikoli. B’hekk, dan il-Gvern ser ikompli jassigura s-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Hija fakkret ukoll kif is-sena li għaddiet dan il-Gvern ippropona li tinħoloq awtorità responsabbli mill-protezzjoni tal-art agrikola, u tassigura li din qiegħda tintuża għal skopijiet agrikoli. Qalet ukoll li kif se jsir fl-art agrikola, se jagħmlu l-istess fl-ibħra tagħna billi se jkomplu jissieltu kontra s-sajd illegali.

F’dan l-isfond, is-Segetarju Parlamentari Bugeja Said ħabbret li kemm is-sorveljanza kif ukoll l-infurzar kontra l-illegalitajiet se jkomplu anke matul din is-sena, fl-istess waqt tkompli tingħata protezzjoni lis-sajjieda ġenwini li huma konformi mal-liġijiet.

Intant, hija semmiet ukoll kif fis-sentejn li għaddew sar investiment sostanzjali fil-Biċċerrija Pubblika bil-għan li jitjieb il-prodott lokali u tisseddaq il-profidabbiltà tal-industrija lokali tal-laħam u tar-raħħala tagħna.

Dwar il-pixkerija, semmiet kif tnediet diskussjoni biex ikunu żviluppati kapaċitajiet ta’ pproċessar aħjar, f’post iċċentralizzat. “L-għan tagħna huwa li, grazzi għal iktar investiment fiż-żmien li ġej, noħolqu attivitajiet ta’ pproċessar ta’ ikel ġodda, kif ukoll sistema ġdida ta’ ħażna tal-ħut żejjed.”

Finalment, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li “qed naħdmu qatigħ biex nassiguraw l-iktar użu possibbli ta’ kull ħuta li tinqabad mis-sajjieda tagħna, permezz ta’ promozzjoni ta’ dawk l-ispeċi ta’ ħut li bħalissa hemm domanda baxxa għalihom mill-pubbliku, minħabba li mhumiex daqshekk popolari.”

“Dan kollu huwa xhieda tal-ħidma ta’ dan il-Gvern, ħidma li ssoktat u ssaħħet anke fi żmien ta’ pandemija u issa li għaddejjin minn gwerra lil hinn minn xtutna. Dan juri li aħna kommessi li nkomplu nipproteġu lis-sajjieda u l-bdiewa tagħna,” hija temmet tgħid.

“Hemm bżonn il-mekkaniżmu u li l-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards timtela’ malajr kemm jista’ jkun”

Sadanittant, fil-Parlament issoktat id-diskussjoni b’rabta mal-emenda li għandha l-għan li tinħoloq mekkaniżmu f’każ li ż-żewġ naħat tal-Kamra jibqgħu ma jaqblux dwar isem li jikseb il-maġġoranza ta’ żewġ terzi, għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Fost dawk li tkellmu kien hemm id-Deputat Laburista Randolph Debattista li saħaq fuq il-bżonn li jiddaħħal dan il-mekkaniżmu u li l-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards timtela’ malajr kemm jista’ jkun. Min-naħa l-oħra, innota li kien hemm min, min-naħa tal-Oppożizzjoni, li reġgħu infexxew fl-attakki.

“Kellna min waqa’ fil-baxx li pprova jattakka b’mod personali u kien hemm min qal li l-persuna proposta għall-kariga ma jqattax blat,” qal Debattista. Huwa kkundanna wkoll ċertu diskors li ntqal fil-konfront tal-Prim Ministru, fejn kien hemm min “ipprova jaqblu ma’ Hitler.” “Li tinqeda’ b’diskors bħal dan, forsi ħabba l-camera, naħseb li mhux ġust.”

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li b’din l-emenda, il-Gvern irid ibiddel sabiex jagħżel hu lil min irid bħala Kummissarju tal-Istandards ħalli skontu “l-istandards jagħmilhom il-Gvern u mhux l-istandards ikunu tal-Parlament ta’ Malta.”

Ekonomija

Sport