Friday, April 26, 2024

Ammetta li weġġa’ ħafif lil ommu bl-għajnuna tas-sieħba

Aqra wkoll

Żabbari ta’ 24 sena ammetta fil-qorti li s-sena li għaddiet weġġa’ ħafif lil ommu. Skont l-akkużi hu wettaq dan ir-reat bl-għajnuna tas-sieħba tiegħu u s-sieħba tiegħu tfajla ta’ 20 sena minn Birkirkara,

Għal dawn l-akkużi hu ngħata sentenza sospiża.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li l-każ seħħ fit-13 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet f’residenza fi Triq Santa Marija, f’Ħaż-Żabbar.

L-akkużati nstabu ħatja wkoll li dakinhar ikkawżaw lil omm l-akkużat biża’ li se tintuża vjolenza kontriha. Huwa nstab ħati wkoll li rrenda ruħu reċediv.

Huma ma nstabux ħatja li heddew lill-vittma waqt l-aggressjoni.

Il-Maġistrat Farrugia kkundannat lil ġuvni sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li s-sieħba tiegħu 18-il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin.

Il-Qorti ħarġet ukoll, fil-konfront tagħhom, ordni ta’ trażżin għal tliet snin u qiegħdet lill-akkużat taħt ordni ta’ superviżjoni għal tliet snin.

Il-prosekuzzjoni fil-każ tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar. Is-sentenza ngħatat fid-9 ta’ Jannar li għadda.

Sport