Thursday, November 21, 2024

Iwiegħed li jkunu privileġġjati jekk jirriżenjaw mill-GWU

Aqra wkoll

Tul dawn l-aħħar jiem kienu diversi s-sorsi li għaddewlna informazzjoni li Correctional Inspector partikolari li jaħdem fl-Aġenzija għas-servizzi korrettivi allegatament qed iwiegħed lil diversi Correctional Officers li jekk jirriżenjaw mill-GWU se jġibilhom bosta privileġġi.

Allegatament, l-istess Correctional Inspector ftaħar mas-subalterni tiegħu li rnexxielu jagħti trasferiment lil Senior Correctional Inspector u qed jgħid li għandu l-poter jagħti aktar trasferimenti, jagħti promozzjonijiet u saħansitra jġibilhom allowances.

Skont dan il-Correctional Inspector, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għandu fiduċja assoluta fih u allegatament jagħmel dak li jgħidlu hu.
Dwar dan tkellimna mas-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tal-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU Theo Vella fejn staqsejnieh jekk hux konxju ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

Vella qalilna li informazzjoni simili waslet kemm għand ir-rappreżentanti kif ukoll għandu personali. Saħaq li bħalissa qed isegwu mill-qrib kull informazzjoni li qed tidħol u wara li ssir il-verifika neċessarja jittieħdu dawk il-miżuri skont x’ikun irriżulta.

Vella qalilna li t-Taqsima dejjem aċċettat kull riżenja b’effett immedjat u dan sakemm saret mingħajr pressjonijiet żejda jew minħabba biża’. “Żgur mhux aċċettabbli li ħaddiema jirriżenjaw mill-Unjin għax jibżgħu minn xi riperkussjonijiet mis-superjuri tagħhom.”

Vella qalilna wkoll li waslet informazzjoni li Correctional Inspector partikolari qed jgħid li l-GWU m’għadhiex tirrapreżenta lill-Uffiċjali Korrettivi, din hija gidba assoluta.

Il-GWU għad għandha rrikonoxximent wara proċess ta’ verifika li sar mid-DIER fis-sena 2017, minn dak iż-żmien sal-lum issieħbu ferm aktar membri. F’dan l-istadju ma nħossux li għandna nagħtu aktar kummenti qalilna Vella u dan sakemm ikollna l-evidenza neċessarja.

Huwa temm jappella biss biex min jiġi mġiegħel jirriżenja mill-Unjin kontra l-volontà tiegħu jinfurma lit-Taqsima minnufih u tingħata garanzija li l-ħaddiem konċernat ikun protett.

Sport