“Ix-xandir dirett m’għandux irendi l-ħidma Parlamentari f’xi mass meeting, m’għandux jintuża bħala teleshopping tal-kandidatura ta’ partit jew ieħor, imma għandu jintuża biss biex il-poplu jkun jista’ jsegwi l-ħidma onorabbli li ssir f’ismu. Il-Parlament għandu jibqa’ l-post fejn ir-rispett u d-dinjità jibqgħu jirrenjaw dejjem. Il-kritika politika hija mhux biss meħtieġa imma wkoll imħeġġa, iżda kull kelma u kull argument għandu jkun mibni fuq ideat u fatti, u mhux fuq l-individwu. Dan huwa l-ispirtu ta’ demokrazija matura u din hija l-vera tifsira ta’ titlu li aħna ħafna drabi nisimgħu: “onorevoli”. “Onorevoli” mhuwiex biss titlu ċerimonjali jew ta’ protokoll, mhuwiex xi fjura li nilbsu waqt xi diskors, imma huwa tiġdid ta’ wegħda ta’ servizz, ta’ impenn għall-verità, ta’ dedikazzjoni lejn il-ġid ta’ kulħadd u mhux lejn il-konvenjenza ta’ xi ħadd. Bħalma jgħid il-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri Parlamentari: “Membru tal-Kamra tad-Deputati għandu f’kull waqt, sew jekk ġewwa jew barra l-Kamra, iġib ruħu b’mod li jkun jixhed l-istatus u d-dinjità tal-Kamra tad-Deputati.”
Dan intqal mill-speaker tal-Parlament, Dr Anġlu Farrugia, waqt id-diskors tiegħu biex jikkomemora l-ġurnata storika tas-Sette Giugno tas-sena 1919. Din hi l-ġurnata li tfakkar l-irvellijiet tal-Maltin kontra l-Ingliżi.
Fid-diskors tiegħu l-Ispeaker qal li l-lkelma “onorevoli” tfakkarna li kull azzjoni u kull deċiżjoni għandha piż. M’aħniex qegħdin hemm biex ngħollu leħinna imma biex ngħollu l-istatura tal-Parlament bħala simbolu ta’ demokrazija b’saħħitha. Din il-kelma m’għandhiex tgħaddi minn widna għal oħra qisu xejn mhu xejn. Għandha tidħol fil-qlub ta’ kull wieħed u waħda minna. Għandha nżommu f’moħħna li servizz pubbliku m’għandux ikun hemm biex jaqdi ambizzjonijiet personali, imma għandu jkun imsejjes dejjem fuq il-qadi tal-poplu Malti.”
L-Ispeaker qal li “f’din il-Leġiżlatura sa issa għaddew 117-il liġi, li 32 minnhom għaddew mis-Sette Giugno tas-sena l-oħra ’l hawn. Il-Kamra ddiskutiet u vvutat fuq numru konsiderevoli ta’ mozzjonijiet matul din il-Leġiżlatura. Magħhom iridu jingħaddu wkoll l-għexieren ta’ laqgħat tal-kumitati permanenti tal-Parlament, li bħall-abbozzi u l-mozzjonijiet ittrattaw oqsma kruċjali bħad-drittijiet ċivili, l-edukazzjoni, l-ambjent u s-saħħa. Id-demokrazija għandha tkun viżibbli, il-ħidma għandha tkun għall-għajnejn ta’ kulħadd”
“Mindu l-Parlament mexa fil-binja ġdida 10 snin ilu, kull ċittadin jista’ jsegwi b’mod dirett is-seduti u l-laqgħat tal-kumitati Parlamentari. Is-Sette Giugno jgħallimna li kull ġenerazzjoni għandha responsabilità li tibni fuq il-kuraġġ ta’ dawk li ġew qabilha u li tħalli Malta aħjar għal dawk li għad iridu jiġu. Ejjew nieħdu l-wirt tagħna bis-serjetà. Ejjew inkunu aħna li naħdmu favur pajjiż li fih jistgħu jirrenjaw il-ġustizzja u l-għaqda”.
“Nemmen li l-parti tagħna nistgħu nagħmluha wkoll billi nkomplu nirfinaw il-proċeduri parlamentari u b’hekk il-ħidma tal-Parlament, bil-għan li d-demokrazija f’Malta tkompli dejjem tissaħħaħ. Kif kelli l-opportunità ngħid diversi drabi f’din l-okkażjoni tal-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno, u kif nerġa’ ngħid illum, wasal sew iż-żmien li ċ-ċittadin ikollu dritt għal rimedju meta Membru jabbuża mill-privileġġ parlamentari fil-Parlament fil-konfront tiegħu. Ittrattajt dan il-punt snin ilu, l-ewwel darba proprju fl-2015, meta kont sħaqt li kien wasal iż-żmien għall-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu fil-proċedura tal-Parlament Malti li jagħti dritt liċ-ċittadin li jkollu dak li nirreferu għalih bħala ‘citizen’s right of reply’.”
“Nemmen li dan jista’ jsir b’emendi fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati, u possibbilment ukoll emendi f’xi leġiżlazzjoni oħra. Li hu żgur hu li dan għandu jsir. Sena wara loħra dejjem ngħidu u naqblu li huwa importanti li dan jingħata l-attenzjoni iżda sa llum, sfortunatament, dan id-dritt ta’ ċittadin li jitlob rimedju meta fil-Parlament jingħad diskors dwaru li jew ma jkunx veritier jew li għal xi raġuni oħra jkun bi ksur tal-privileġġ Parlamentari, għadu ma jeżistix. Dan għandu jiġi indirizzat mingħajr aktar dewmien. Diġà qegħdin tard wisq.”
L-Ispeaker kompla jgħid li “nemmen li l-Gruppi Parlamentari tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni għandhom flimkien, fil-proċess li jirrevedu u jaġġornaw l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, idaħħlu din il-proċedura li hija tant importanti biex id-drittijiet ta’ kull persuna jkunu salvagwardjati. Fl-istess ħin nerġa’ nisħaq li huwa d-dover ta’ kull Membru Parlamentari li jara li l-privileġġ parlamentari jużah bil-galbu, inkluż meta jagħmel allegazzjonijiet fil-konfront ta’ persuni jew kumpaniji li jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri legali fil-Qrati tagħna.”