Saturday, December 14, 2024

“Ix-xena kulinarja f’pajjiżna hija l-aqwa u l-aħjar li qatt kienet”- – Sheldon Sammut – Chef of the Year 2025

Aqra wkoll

“Ix-xena kulinarja f’pajjiżna fil-preżent hija l-aqwa u l-aħjar li qatt kienet, u nħoss li kulħadd għolla l-livell tal-ikel u l-livell tas-servizz, qed nitgħallmu ħafna minn barra u nieħdu l-ideat, u għalhekk jien naħseb li qatt ma kellna livell bħalma hu bħalissa.” Hekk stqarr magħna Sheldon Sammut li fil-jiem li għaddew rebaħ l-unur prestiġjuż tax-Chef of the Year 2025.

Sammut ilu jaħdem bħala kok fil-kċina Maltija għal aktar minn tmien snin u ħadem f’diversi ristoranti u lukandi rinomati hawn Malta. Huwa kien ukoll rebaħ midalja tal-fidda hekk kif fl-2019 kien ikkompeta fuq livell internazzjonali fil-Global Chefs Challenge li saret f’Rimini, fl-Italja. 

Meta staqsejnieh x’kienet ir-reazzjoni tiegħu meta rebaħ l-unur tax-Chef of the Year, huwa stqarr li ma kienx qed jistennieh u jħossu tassew onorat għax dan l-unur prestiġġjuż “iġib ħafna entużjażmu miegħu u fl-istess ħin jagħtik is-saħħa biex tkun tista’ tkompli miexi ’l quddiem u tħares lejn il-ġejjieni.”

Dan l-unur ma stenniehx ukoll minħabba l-fatt li r-ristorant fejn bħalissa jinsab għadda minn rinovar sħiħ u għaldaqstant ma tantx kien ilu miftuħ, u kien ilu proprja miftuħ biss madwar tliet ġimgħat.

Tħadditna ftit fuq din ix-xewqa li jsir kok, li nibtet fih minn età żgħira ħafna, u minn dejjem kien juri interess fil-kċina, fit-tisjir u fl-għodda biex wieħed joħloq platt tajjeb. Din il-passjoni fih sa minn mindu ċkejken kompla jiżviluppaha, tant li llum huwa kok li għamel suċċessi kbar u anke rebaħ xi unuri, fosthom dan riċenti.

Huwa qalilna wkoll li għalkemm l-ingredjenti importanti, u anke li tkun tagħraf tħallathom, iżda huwa proprju “s-sagrifiċċju kbir li wassalni fejn ridt nasal. Din il-professjoni tinvolvi ħafna xogħol u taħriġ, sigħat twal fejn trid titħarreġ. Is-sagrifiċċju huwa għalhekk parti mill-pakkett ta’ dan kollu. Is-sagrifiċċju huwa ċ-ċavetta biex wieħed jikseb suċċess bħal dan.”

Tenna li bħalissa x-xena kulinarja “hija l-aqwa u l-aħjar li qatt kienet u nħoss li kulħadd għolla l-livell tal-ikel u l-livell tas-servizz, qed nitgħallmu ħafna minn barra u nieħdu l-ideat, u għalhekk jien naħseb li qatt ma kellna livell bħalma hu bħalissa.”

Mistoqsi dwar il-futur tiegħu u kif qed iħares lejh, u jekk għandux xi pjanijiet oħra, Sheldon b’entużjażmu wieġeb li hu jara futur ambizzjuż, u fi kliemu stess qed “nippjanaw għal aktar ħidma u saqajna aktar mal-art biex lill-klijent dejjem nibqgħu nagħtuh l-aħjar u l-aqwa li nistgħu noffru.” 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport