Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ħafna, fejn dak iż-żmien konna nilagħbu sigħat twal fit-triq.
Ta’ disa’ snin bdejn nilgħab fin-nursey tal-Hibernians fejn hemm lgħabt f’kull kategorija sakemm ta’ 16-il sena għamilt id-debutt fil-Kampjonat Premier.
Kont fortunat biżżejjed li għamilt kariera ta’ 21 sena ma’ Hibernians fejn tista’ tgħid li rbaħt kull unur li joffri l-futbol Malti fosthom ħames kampjonati, ħames FA Trophies, żewġ Super Cups u l-akbar unur fuq bażi individwali li plejer jista’ jirbaħ – l-MFA Plejer tas-Sena.
Sal-lum għadni nżomm ir-rekord nazzjonali tal-aktar preżenzi fil- Kampjonat Premier ta’ 529 logħba fl-ogħla livell tal-futbol Malti.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala goalkeeper ta’ Hibernians u tat-tim nazzjonali Malti.
Li tkun in-numru wieħed ta’ Hibernians għal dawk is-snin kollha fejn anke għal 10 snin kelli responsabbiltá li nkun il-captain tal- klabb iġġorr magħha ħafna responabilta peró s-sodisfazzjon kien wieħed akbar. Grazzi għal staġuni mill-aqwa mal-klabb, kelli xorti li anke nilgħab mat-timijiet nazzjonali tista’ tgħid f’kull kategorija, ovvjament l-akbar unur ikun meta għamilt id-debutt tiegħi mat-tim nazzjonali ‘A’ fl-etá ta’ 20 sena fejn irnexxieli nilgħab 68 logħba taħt il-gwida ta’ xejn inqas minn seba’ kowċis differenti.
Li tirrapreżenta lil pajjizek huwa ta’ sodisfazzjon kbir u l-memorji sbieħ li kelli fejn fosthom lgħabna kontra l-aqwa plejers tad-dinja żgur li mhu se ninsihom qatt!
U dik preżenti tiegħek bħala wieħed mill-kowċis u Direttur Tekniku ta’ Mosta FC.
Minn dejjem xtaqt li wara li nirtira mill-futbol milgħub, inkompli l- karriera tiegħi fil-kowċ. Bdejt bħala kowċ tal-goalkeepers u assistant coach fejn wara esperjenza qasira bħala care taker coach ma’ Hibernians, wara kont kowċ ta’ Qormi FC u Senglea Athletic biex fl-2020 isseħibt ma’ Mosta FC fejn għadni sal-lum il-ġurnata nokkupa l-karigi ta’ Direttur Tekniku u Kowċ.
F’dawn il-ħames snin tista’ tgħid li rnexxielna nibnu timijiet kompetittivi fejn anke rnexxielna għall-ewwel darba fl-istorja tal- klabb, nikkwalifikaw għal kompetizzjoni Ewropea.
Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċis Joseph Grech u Matthew Psaila?
Mal-kowċ Joseph Grech li issa ilna naħdmu erba’ snin flimkien u tista’ tgħid li nagħmlu kopja tajba ħafna għaliex nikkomplimtaw lil xulxin kemm fil-karatru u anke kif inħarsu lejn il-futbol.
Matul dan l-istaġun komplejna nsaħħu l-istaff tekniku tagħna u mal-kowċ Joseph Grech, u l-kowċ tal-goalkeepers Ruben Debono irnexxeilna nakkwistaw kowċ bravu ieħor, Mathew Psaila, kowċ li jien kont diġá ħdimt miegħu ma’ Qormi FC.
Flimkien naħseb li qed nagħmlu biċċa xogħol tajba!
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Onestament naħseb li qed ikollna staġun pożittiv ħafna anke meta tikkunsidra l-baġit finanzjarju limitat li għandna, il-kumitat immexxi mill-president George Galea, Pio Vassallo u Adrian Farrugia, irnexxielu jibni tim b’saħħtu u fl-Opening round tal-Malta Premier irnexxielna kontra kull mistenni nispiċċaw fil-ħames post u nikkwalifikaw mat-top 6 peró importanti li nżommu saqajna mal-art għax kif kulħadd jaf il-closing round se jkun ħafna aktar diffiċli u t-timijiet kollha tista’ tgħid li għamlu akkwisti importanti u ssaħħew mhux ħażin.
Peró, aħna ninsabu kuntenti ħafna b’dawn il-plejers u ċert li bihom nistgħu nilħqu l-objettivi tagħna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward tagħna għal dan l-istaġun kien li l-ewwelnett nibnu tim kompetittiv u naddottaw il-filosofija tagħna kif nixtiequ nilagħbu u nemmen li dan qegħdin nagħmluh. Ovvjament, il- ħolma tagħna hija dik li nerġgħu nwasslu lil dan il-klabb fl-Ewropa u forsi wkoll jirnexxielna nirbhu l-ewwel unur maġġuri fl-ogħla livell tal-futbol Malti.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Tista’ tgħid li jien ili nvolut fil-futbol Malti għal aktar minn 30 sena u nista’ ngħid l l-futbol inbidel b’mod drastiku. Fis-snin 80 u 90 kien hawn ħafna aktar plejers teknikament tajbin, individwalment peró ftit li xejn konna naħdmu fuq tattika. Il-plejers kien ikollhom akatr spazju u ħin fuq il-ballun u plejer tekniku kien jispikka.
Illum il-logħba tal-futbol evolviet ħafna kemm mil-lat tattiku u anke fiżiku. It-timijiet huma ħafna aktar preparati u organizzati u qed isir investiment ħafna akbar speċjalment fejn jidħol ‘coaching staff’.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Forsi hawhekk għad jonqosna ħafna fejn nitjiebu għax għalkemm tista’ tgħid li llum kważi l-klabbs lokali kollha għandhom grawnd sintetiku fejn jittrenjaw, sfortunatament minħabba dawn il-pitches qegħdin nesperjenzaw ħafna injuries anke fit-tfal f’etá iżgħar.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-mument għad fadalli kuntratt mal-Mosta sal-aħħar tal-istaġun u għalkemm diġá kien hemm xi interess minn klabbs oħra, bħalissa irrid niffoka fuq il-Mosta biex flimkien nilħqu l-għanijiet tagħna għal dan l-istaġun.
Ovvjament illum il-ġurnata wara ħames snin inħossni parti minn dan il-klabb u x-xewqa tiegħi hija dik li nkomplu nibnu flimkien fis-snin li ġejjin u l-ħolma ta’ ħafna Mostin li jaraw tazza dieħla ġol-Mosta nagħmluha realtá.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji kollha ta’ Mosta FC.
Inħeġġeġ bis-sħiħ lil dawk iż-żgħażagħ kollha li jħobbu l-futbol u għandom xewqa li jagħmlu karriera fil-futbol biex ma jaqtgħux qalbhom, jaħdmu bis-serjetá u jkunu lesti jli agħmlu sagrifiċċji li fl-aħħar mill-aħħar nasigurakom li huma ‘worth it’.
Lill-partitarji kollha tal-Mosta l-ewwelnett inħeġġiġhom biex ikunu aktar warajna speċjalment f’din il-fażi li ġejja għax nemmen li flimkien nistgħu tabilħaqq nagħmluha!