Thursday, December 26, 2024

Ix-xogħlijiet fuq ir-riġenerazzjoni tal-bajja tal-Għadira jinsabu fl-aħħar fażi tagħhom

Aqra wkoll

Għaddejjin l-aħħar xogħlijiet fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, jew kif inhi magħrufa bħala t-Triq tal-Għadira. Dan il-proġett ta’ €8 miljun kien jinvolvi l-bini mill-ġdid tat-triq u riġenerazzjoni tax-xatt tul il-bajja.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo żaru l-proġett bi professjonisti minn Infrastructure Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu taw ħarsa lejn ix-xogħlijiet li saru u spjegaw l-aħħar xogħlijiet tal-proġett.

Il-ħidma, li kienet mifruxa fuq tul ta’ tliet kilometri fuq il-karreġġjati minn u lejn iċ-Ċirkewwa, bdiet minn ħdejn ir-roundabout tal-Armier sar-roundabout tal-parti t’isfel tal-bajja tal-Għadira. Ix-xogħlijiet inkludew tqegħid ta’ servizzi tal-ilma, cables tal-Enemalta, u l-bini mill-ġdid tat-triq. Waqt dawn ix-xogħlijiet, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadmet fuq il-bini mill-ġdid tax-xatt, mir-roundabout fejn tibda l-bajja tal-Għadira sal-parkeġġ tal-Armier.

Il-proġett inkluda organizzazzjoni mill-ġdid tat-triq bl-introduzzjoni ta’ parkeġġi fuq in-naħa tal-bajja fejn ikun hemm ħafna attività, b’hekk jonqos l-ammont ta’ nies li jkollhom bżonn jaqsmu l-karreġġjati bil-mixi. Il-proġett kollu jinkludi l-introduzzjoni ta’ infrastruttura pedonali tul il-proġett kollu, iżjed sigurtà għal din iż-żona ffrekwentata ħafna minn mijiet t’eluf ta’ persuni kull sena.

Il-Ministru Bonett innota kif matul l-aħħar xhur, issa li l-proġett wasal fl-aħħar fażi tiegħu, mijiet ta’ persuni qed iżuru kuljum din iż-żona biex jimxu mal-promenade, anke fix-xhur tax-xitwa hekk kif b’dan l-investiment iż-żona tal-Għadira għandha l-potenzjal tkun destinazzjoni li tista’ titgawda matul is-sena kollha.

“Dan il-proġett se jingħaqad max-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fit-triq taċ-Ċirkewwa biex intejbu il-konnettività lejn il-vapur t’Għawdex. Dan jixhed l-investiment li l-Gvern qed jagħmel fil-prodott turistiku tiegħu, u għalhekk ser inkomplu naħdmu sabiex l-infrastruttura tikkumplimenta n-numri rekord ta’ turiżmu li qed ikollu pajjiżna,” qal il-Ministru  Bonett..


Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-proġett jimxi id f’id mal-ħsieb tal-Gvern li nagħmlu l-qabża li jmiss billi jkollna prodott ta’ kwalità ogħla fuq kull livell speċjalment dak turistiku. “Dan il-proġett ser jibdel ix-xatt tal-Għadira għal wieħed li jkun iżjed aċċessibbli kemm għal familji Maltin u Għawdxin iżda anke għat-turisti li jżuru din iż-żona matul is-sena kollha,” qal il-Ministru Bartolo.

It-tekniċi spjegaw li x-xogħlijiet issa huma ffukati fil-parti ta’ ħdejn ir-roundabout li tagħti lejn l-Għadira. Bħalissa qed jiġu mgħoddija l-aħħar servizzi tal-ilma, isir xogħol fuq il-promenade, jingħata l-aħħar saff t’asfalt u xogħol ta’ tisbiħ. Għalhekk issa x-xogħlijiet huma ffukati fuq l-aħħar parti tal-promenade fil-parti ta’ ħdejn ir-roundaboutta’ tarf il-bypass tal-Mellieħa. 

Ekonomija

Sport