Saturday, December 21, 2024

Ix-xogħol fil-LIDL ta’ Burmarrad fi stadju avvanzat

Il-binja fuq tliet sulari mistennija tkun lesta sa Ottubru li ġej

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Skont sorsi viċin dan il-ġurnal il-ftuħ ta’ wieħed mill-ħwienet tal-katina LIDL f’Burmarrad huwa pproġettat li jseħħ lejn l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Dan is-sit mar fuq il-post bil-għan li nkomplu naġġornawkom dwar dan il-ftuħ tant mistenni wara li għal ħafna snin, residenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta kien ikollhom imorru f’lokalitajiet oħra, fosthom fil-Mosta, biex igawdu mill-prodotti bi prezzijiet irħas li l-LIDL huwa sew magħruf għalihom. 

F’Ġunju tas-sena l-oħra dan il-ġurnal kien irrapporta l-għeluq ta’ Scotts Supermarket f’din il-lokalità fit-Tramuntana ta’ Malta wara li flimkien mal-ħwienet l-oħra ta’ Scotts f’Ħaż-Żabbar u f’Tas-Sliema nbigħu lil din il-katina Ġermaniża għall-prezz smat ta’ €35 miljun. 

L-għaxar supermarket taħt it-tabella sinonima mal-LIDL

L-espansjoni tal-ħwienet LIDL wara dan il-bejgħ bdiet b’dak ta’ Tas-Sliema li fetaħ fi Frar li għadda. Issa dak ta’ Burmarrad, li se jkun l-għaxar supermarket taħt it-tabella sinonima mal-LIDL bl-isem immarkat f’ċirku isfar u sfont blu, għaddej b’xogħlijiet ta’ finishing. 

Ħaddiema fuq il-post huma għaddejjin bix-xogħol li miexi b’ritmu tajjeb ħafna tant li jekk kollox imur sew u kif ippjanat, il-bibien għall-klijenti f’din il-fergħa għandhom jiftħu sal-1 ta’ Ottubru. Din id-data hija pjuttost viċin u qabel minn dik prevvista minn ħafna fejn l-idea kienet li dan se jiftaħ viċin il-festi tal-Milied.

Bħala binja, il-LIDL f’Burmarrad jidher li se jkun imqassam pjuttost differenti minn dak li aħna s-soltu mdorrrijin bih, jiġifieri kollox fuq pjan kbir wieħed. Fil-fatt meta konna fuq il-post rajna li hawnhekk qiegħed isir xogħol fuq tliet sulari fejn ta’ taħt mistenni jkun spazju għall-parkeġġ għall-klijenti, mentri ż-żewġ sulari l-oħra – il-pjan terran u l-ewwel sular mistennija jkunu allokati bħala supermarket. 

Il-ħwienet tal-LIDL f’Malta bdew lura fl-2008 bl-ewwel fergħa f’Santa Venera. Ħwienet oħra insibuhom f’San Ġwann, Ħal Qormi, fiż-Żejtun, f’Ħal Luqa, fiż-Żurrieq u f’Victoria, Għawdex. Ta’ min jgħid li l-Maltin iħobbu ħafna jmorru jixtru minn din il-katina iżda f’dawn l-aħħar xhur innotaw żieda fil-prezzijiet tant li hemm min qiegħed jirraġuna li m’għadux lant li tmur tixtri minn hemm. 

L-effetti tal-pandemija u l-gwerra…

Issa li fl-aħħar ir-residenti fost l-oħrajn tal-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, Bugibba, il-Qawra u Burmarrad, se jkollhom LIDL tefa’ ta’ ġebla, sfortunatament għalihom, il-kwalità mhiex se tkun tiswa daqstant inqas.

Sadanittant, nittamaw li ż-żieda fil-prezzijiet minħabba l-ewwel il-pandemija u issa l-gwerra fl-Ukrajna, tkun ikkontrollata u idealment jerġgħu, malajr kemm jista’ jkun, imorru lura għal li kienu. B’hekk il-konsumatur ikun jista’ jerġa’ jibda jgawdi minn prezzijiet kompetittivi u raġjonevoli. 

Dan mhux biss fil-każ tal-klijenti tal-LIDL, iżda għall-konsumaturi lokali kollha li f’dawn l-aħħar xhur fil-ħwienet kollha, qegħdin iħabblu moħħhom jaraw kif se jlaħħqu mal-għoli ħajja, liema għoli huwa kkawżat primarjament, iżda mhux biss, minn żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali f’suq liberu.

Ekonomija

1 kumment

  1. Ftira zghira minn supermarket fBirkirkara 60 cents.Minn hanut F’Iklin 38 cents u ahjar.Min qed jgholli l prezzijiet?

Comments are closed.

Sport