Ix-xogħol fuq il-proġett tal-Imsida Creek jidher li miexi kif ippjanat tant li huwa mistenni li sa tmiem is-sena d-dieħla, dan il-proġett ikun wasal fil-bidu tal-aħħar fażijiet tiegħu. B’kollox dan il-proġett se jiġi jiswa mal-€35 miljun.
Fil-jiem li għaddew, il-proġett tal-Imsida Creek laħaq tragward ieħor importanti hekk kif ittellgħet l-ewwel struttura tal-azzar, l-ewwel waħda minn sitta, li se jiffurmaw il-flyover il-ġdida. Dan il-ħidma kienet tinvolvi ppjanar metikoluż u anke kordinazzjoni.
It-tieni struttura tal-azzar diġà tinsab fuq il-post u se tkun qiegħda titpoġġa f’postha fil-ġimgħat li ġejjin. Partijiet oħra qegħdin jiġu manifatturati fil-faċilità ta’ Infrastructure Malta f’Ħal Far u se jinġiebu fuq il-post b’mod gradwali hekk kif il-proġett ikompli javvanza.
Fi żjara li għamilna fuq is-sit din il-ġimgħa, stajna ninnutaw kif ix-xogħol fuq dan il-proġett miexi b’ritmu tajjeb ħafna, kemm fil-parti fejn qiegħda ssir il-flyover u anke man-naħa tax-xatt. Dwar dan u aktar tkellimna mal-Perit Anton Zammit, li huwa inkarigat mill-proġett.
Il-Perit Zammit beda biex qal kif il-proġett beda f’Novembru li għadda u li miexi b’mod sodisfaċenti ħafna. Huwa żied jispjega li “diġà għandna f’postha waħda mis-sitt strutturi tal-azzar li se jiffurmaw il-flyover il-ġdida. Meta wieħed jgħaddi mill-Imsida se jara wkoll struttura oħra li qiegħda mal-art, dik hi t-tieni waħda.”
Qal li dawn l-istrutturi qegħdin jinħdmu lokalment, li huma differenti minn dawk fil-proġetti tal-Kappara u Ħal Luqa illi kienu nħadmu barra minn Malta. “Dawn qed jinħadmu hawn u qed jiġu biċċa biċċa fuq il-post,” qal il-Perit Zammit. Wara li titqiegħed l-istruttura fuq il-post, jibda x-xogħol fuq il-bażi tat-triq. Din l-istruttura trid toħroġ żewġ metri ’l barra fuq kull naħa biex wieħed japprezza d-daqs tal-istruttura.”
Huwa żied isemmi kif il-proġett tal-Imsida Creek ma jikkonsistix biss mill-flyover iżda għaddejjin xogħlijiet oħra fosthom fit-telgħa ta’ Triq Mikiel Anton Vassalli fejn qed isir xogħol ta’ rinfurzar mal-ħitan tal-ġnub tat-triq. Qal li naħa minnhom tinsab lesta u eventwalment se jibda x-xogħol fuq il-parti l-oħra.
Il-Perit Zammit spjega wkoll li se jinħoloq kanal li jibda mill-baħar u jispiċċa sa kważi quddiem il-Kunsill tal-Imsida, li diġà beda x-xogħol fuq parti minnu. Apparti minn hekk, ix-xogħol fuq it-triq li minn Ta’ Xbiex tagħti għall-Pietà miexi b’mod sodisfaċenti ħafna.
“Se ssir ukoll pjazza quddiem il-Knisja tal-Imsida. Pjazza ta’ madwar 2,000 metru kwadru. Fl-aħħar u mhux l-inqas se jkollna spazju miftuħ aħdar,” tenna l-Perit Zammit filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett hekk kif se joffri konnettività aħjar f’din iż-żona.
Il-proġett tal-Imsida Creek jikkonferma l-impenn ta’ Infrastructure Malta lejn l-innovazzjoni u l-iżvilupp infrastrutturali fit-tul, permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ inġinerija moderna biex jilqa’ għad-domandi dejjem jiżdiedu tan-netwerk tat-toroq tal-pajjiż.