Għalkemm xi drabi forsi ma nagħtux kas biżżejjed kemm ix-xogħol tal-bdiewa huwa xogħol ta’ strapazz, inċident bħal dan tal-lum iġegħelna nirrealizzaw kemm ix-xogħol agrikolu jġib tbatija u riskji.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said appena nxterdet l-aħbar li Emanuel Grech tilef ħajtu traġikament f’inċident li kellu b’mutur tal-ħart waqt li kien qed jaħdem f’għalqa fl-Imġarr.
Bugeja Said qalet li l-komunità Mġarrija tinsab maħsuda bit-telfa ta’ Grech hekk kif hi personalment tafu bħala raġel ħabrieki.
Is-Segretarju Parlamentari tat il-kondoljanzi tagħha lill-familja b’mod speċjali lil martu Evelyn u wliedu Edmond, Samuel u David.