Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq l-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti, li bħalissa huma ffokati fuq is-soffit, liema xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Huwa ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol ta’ restawr tal-Knisja nnifisha fejn se jsiru tiswijiet fil-ġebel; tindif tal-ħitan, is-soqfa u l-koppla tal-Knisja kif ukoll tal-kappelli; se titneħħa ż-żebgħa żejda u se jiġu restawrati l-ħitan. Se jiġu restawrati wkoll it-twieqi, filwaqt li se tittranġa l-art li hija magħmula mill-irħam. Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li se jiswew madwar €1.25 miljun u se jitlestew fi żmien tliet snin.
Fil-bidu ta’ din is-sena tlesta r-restawr tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja tal-Ġiżwiti kif ukoll ix-xogħlijiet fuq is-Sagristija. Dan ix-xogħol ta’ restawr sar mid-Diviżjoni tar-Restawr u Preservazzjoni u sar b’investiment ta’ €1.6 miljun oħra. Dan l-investiment ikopri wkoll ir-restawr tat-tieni Oratorju, dak tal-Onorati.