Saturday, May 4, 2024

Malta favur settur marittimu sostenibbli iżda kompetittiv

Aqra wkoll

“Is-settur marittimu għandu rwol strateġiku fil-kompetittività futura tal-Ewropa. Mis-sigurtà tal-enerġija għas-sigurtà tal-ikel u s-sigurtà tal-provvista, it-tbaħħir iġib l-oġġetti u l-materja prima lejn il-kontinent li l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej jeħtieġu. Fl-istess ħin, qegħdin niffaċċjaw uħud mill-akbar sfidi ta’ kull żmien bit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali”. Sostna dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, waqt l-indirizz tiegħu fis-Summit Ewropew tat-Tbaħħir li sar fi Brussell.

F’dan is-summit il-Ministru Farrugia enfasizza fl-importanza strateġika tal-industrija marittima, liema industrija l-Ewropa ma tistax tinjora. Huwa żied li, “dan flimkien mal-fatt li l-istess industrija tikkontribwixxi 15% tal-prodott gross domestiku ta’ Malta u l-vantaġġ kompetittiv li għandha l-UE hekk kif tiġbor fi ħdanha 40% tal-flotta kurrenti tat-tbaħħir globali”.

Huwa tkellem ukoll dwar in-newtralità tal-karbonju u l-miri Ewropej tat-tibdil fil-klima sal-2050, kif ukoll dwar l-importanza strateġika li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, il-mediċina u l-enerġija. Dan b’mod partikolari wara l-pandemija kif ukoll waqt l-avvenimenti ġeopolitiċi li għaddejin fl-Ukrajna.

L-industrija marittima għandha rwol prinċipali fit-twettiq ta’ dawn l-għanijiet importanti u għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-industrija tiffaċċja kundizzjonijiet ekwi għar-rigward ta’ operaturi minn pajjiżi terzi li jaħdmu mingħajr xkiel mir-regoli u r-regolamenti tal-UE.

Farrugia wissa li l-Ewropa ma jistax ikollha xenarju fejn ir-regolamenti tal-UE jagħtu lok għal riżultat mhux intenzjonat fejn ix-xogħol tat-tbaħħir u l-attività tat-trasbord mill-portijiet tal-UE, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-Mediterran, jiġu ddevjati lejn pajjiżi terzi u b’hekk jirriżulta f’rilokazzjoni tal-karbonju. Huwa fisser kif dan jhedded il-kompetittività tal-industrija marittima Ewropea u l-portijiet inġenerali.

Il-Ministru Aaron Farrugia temm jgħid li t-tmexxija tal-Ewropa fl-industrija marittima ġġib magħha mhux biss responsabbiltajiet kbar bħat-twaqqif ta’ standards fid-dekarbonizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, iżda wkoll fl-evitar ta’ diżastri ambjentali.

Sport