Sunday, December 22, 2024

Ix-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi fuq nett tal-aġenda tal-gvern bi tħejjija għall-Budget 2022

Aqra wkoll

Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget għas-sena d-dieħla kompla għaddej b’numru ta’ laqgħat bejn il-gvern u aktar imsieħba soċjali, ewlenin fosthom il-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-politika l-ġdida tax-xogħol se tkun qed tindirizza l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, kif ukoll it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Iżda jeħtieġ ukoll titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema, bil-Prim Ministru jgħid li t-trade unions mhux biss għandhom iħeġġu lill-membri tagħhom jakkwistaw ħiliet aħjar, imma jistgħu jkunu huma stess involuti fil-ħolqien ta’ dawn il-ħiliet.

Saħaq li l-gvern jibqa’ kommess li jattira iktar investiment ġdid biex jassigura ekonomija b’saħħitha filwaqt li jaħseb għall-qalba diġitali u d-dekarbonizzazzjoni mingħajr ma jitfa’ piżijiet żejda fuq il-poplu. Għalhekk, Dr Abela appella għall-koperazzjoni tat-trade unions biex flimkien inħejju għal din il-bidla inevitabbli tad-dekarbonizzazzjoni.

Kemm il-UĦM kif ukoll l-MEA ddiskutew il-proposti tagħhom għall-Budget 2022, bl-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tgħid li l-employers lesti jagħmlu l-parti tagħhom u jikkontribwixxu biex pajjiżna jilħaq in-newtralità tal-karbonju.

Aktar laqgħat issoktaw ma’ għaqdiet li jirrappreżentaw il-qasam soċjali, fosthom l-Alleanza Kontra l-Faqar, Caritas Malta u Mid-Dlam għad-Dawl. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif statistika uffiċjali maħruġa f’dawn l-aħħar jiem uriet li, fuq medda ta’ seba’ snin, dan il-gvern kompla jnaqqas ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali bi kważi kwart.

Dr Abela semma diversi fatturi li wasslu għal dan, fosthom iż-żieda fl-in-work benefit, iż-żieda fil-pensjonijiet, ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 u l-benefiċċju tal-kera fost oħrajn.

“Fil-Budget li ġej, se nkunu qed nagħtu prijorità lil dawk l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà. Irridu nassiguraw li lil min jaqa’ lura noffrulu l-għodda meħtieġa biex ikompli jimxi ’l quddiem f’ħajtu,” ikkonkluda l-Prim Ministru.

Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet irrikonoxxew u għaddew kliem ta’ apprezzament lejn il-Prim Ministru għal mod ta’ kif il-gvern qiegħed iħaddan politika b’ruħ soċjali fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.

Intant, l-Erbgħa filgħaxija ttellgħet laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, din id-darba f’Ħal Qormi, iffukata fuq l-ekonomija u l-livell ta’ għajxien tal-poplu. Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ l-ideat tal-pubbliku u sostna li l-gvern se jkompli jwieżen lil dawk fil-bżonn, kif għamel f’sensiela ta’ għajnuniet fl-eqqel tal-pandemija, biex kulħadd ikompli jimxi ’l quddiem.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal li l-Baġit li ġej se jispjega l-ħidma kollha li għamel dan il-gvern matul dawn l-aħħar tmintax-il xahar tal-pandemija. Huwa qal li l-flus kollha li nefaq il-gvern, biljun u nofs ewro, intefqu bl-għaqal u dawn id-deċiżjonijiet issa se jippermettu lill-gvern biex ikun jista’ jippreżenta baġit ieħor b’saħħtu.

Il-Ministru Caruana qal li, “Minkejja kollox, pajjiżna għadu fuq saqajh, il-kumpaniji għadhom bl-impjegati magħhom u l-problema tagħhom illum hija kif se jsibu iktar impjegati. Dan huwa dak li l-pajjiż irnexxielu jikseb f’dawn l-aħħar sena u nofs.”

Kull min jixtieq jaqsam l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-Budget 2022 u jkun parti mid-diskussjoni jista’ jagħmel dan billi jżur finanzi.gov.mt/22.

Ekonomija

Sport