Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Abdi Salaan Mahamad Abditon Ali, raġel ta’ 42 sena minn is-Somalja fejn qed jiġi akkużat b’akkużi b’rabta tal-inċident li kien seħħ fis-7 ta’ Awwissu fi Triq il-Kanun f’Santa Venera, ħareġ li l-ħsara li wettaq tammonta għal €10,020.
F’dan l-inċident minkejja li seta’ kellu konsegwenzi ferm konroh ħadd ma kien weġġa’.
Abditon Ali qed jiġi akkużat b’sewqan negliġenti, perikoluż u traskurat, li kkawża ħsara fuq proprjetà ta’ terzi, kif ukoll b’sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.
L-imputat qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Hu kien instab li kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol hekk kif mill-breathalyser indika 107.3 mikrogrammi ta’ alkoħol għal kull 100 millilitru ta’ nifs, li huwa ferm ’il fuq mil-limitu legali.
Dalgħodu, kien imiss rappreżentat tal-kumpanija MAPFRE Middlesea biex jagħti x-xhieda tiegħu. Spjega li l-vettura kienet koperta b’polza ta’ assigurazzjoni li tibda fl-1 ta’ Ġunju 2025 u tispiċċa fil-31 ta’ Mejju 2026. Il-karozza kienet irreġistrata fuq Richard Attard, iżda Ali kien is-sewwieq awtortizzat li jsuqha.
Ix-xhud qal li minkella li kellu kollox skont il-liġi, minħabba li s-sewwieq kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol allura l-assigurazzjoni ma tkoprix la lis-sewwieq u lanqas lil Richard Attard. Ix-xhud kompla jispjega li l-assigurazzjoni għandha obbligu li tħallas lil partijiet terzi li jfisser lis-sid tal-ħanut.
F’dan l-istadju l-l-prosekuzzjoni ddikjarat li ma kellhiex aktar xhieda x’tippreżenta u l-avukati tad-difiża reġgħu talbu għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukat Francesca Zarb qalet li l-kwistjoni kollha dwar il-ħelsien mill-arrest hija l-garanzija bankarja li kienet tqajmet fl-aħħar seduta. Qalet li din il-problema issa m’għadhix teżisti hekk kif l-assigurazzjoni kienet se tħallas id-danni.
Iżda l-Qorti ma qablitx, u qalet li l-liġi ma tgħidx li l-assigurazzjoni hija obbligata tħallas immedjatament lill-partijiet terzi. Għaldaqstant, il-garanzija ta’ €10,000 għadha meħtieġa.
Il-Qorti qalet li s’issa għandhix serħan il-moħħ biex tkun tista’ tagħti l-ħelsien mill-arrest u għalhekk qiegħda tiċħad din it-talba.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Nathan Bugeja u Rachel Aquilina. L-Avukat Francesca Zarb dehret għad-difiża, filwaqt li l-Avukati Zack Esmail u Kayleigh Borg dehru bħala parte civile.