Raġel suspettat li saq it-trakk li nstab abbandunat f’San Antonio, Texas, b’għadd ta’ katavri fih, jinsab akkużat li wettaq reat ta’ traffikar uman. Ix-xufier, Homero Zamorano Jr, ta’ 45 sena, ġie arrestat fil-viċanzi ta’ fejn seħħ il-każ.
L-allegat kompliċi tiegħu, Christian Martinez, ta’ 28 sena, ġie arrestat ukoll it-Tlieta li għadda akkużat li kellu x’jaqsam mal-ivvjaġġar illegali ta’ traffikar ta’ persuni.
Jekk jinstabu ħatja, iż-żewġ irġiel jistgħu jiġu kkundannati għomorhom il-ħabs jew saħansitra jingħataw il-piena tal-mewt għas-sehem tagħhom f’dak li hu meqjus wieħed mill-iktar inċidenti fatali tat-traffikar uman li qatt seħħ fl-istorja Amerikana.
It-trakk kien qed iġorr il-migranti mill-Messiku, il-Guatemala, l-Honduras u l-El Salvdaor. L-uffiċjal għoli fid-dipartiment tat-tifi tan-nar, Charles Hood, qal li t-trakk tħalla abbandunat mix-xufier u li dawk li kienu fih la kellhom arja kundizzjonata u l-anqas ilma tax-xorb.
In-numru ta’ vittmi f’dan l-inċident tela’ għal 53 nhar l-Erbgħa li għadda wara li ġie rrappurtat li żewġ migranti oħra li kienu qed jingħataw iżjed kura l-isptar tilfu l-battalja tagħhom.
Żewġ irġiel oħra li huma suspettati li kellhom x’jaqsmu f’din l-operazzjoni ġew akkużati t-Tlieta li għadda. Huma jinsabu fil-kustodja tal-Pulizija sakemm jibda jinstema’ l-każ fil-ħin li ġej.