Tuesday, December 24, 2024

Iż-żagħżugħ akkużat bi stupru jagħżel li ma jixhidx

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena li għaddej ġuri akkużat bi stupru fuq omm l-eks sieħba tiegħu, u li ġiegħel lilha u lil bintha jwettqu atti ta’ natura sesswali kontra r-rieda tagħhom, għażel li ma jixhidx fl-istess ġuri. 

Sadanittant, hekk kif bdew jinstemgħu l-provi tad-difiża, l-ewwel li xehdet kienet il-kuġina tal-akkużat, omm ta’ żewġt itfal, li għandha 26 sena u li kienet ħadmet ukoll għal xi żmien mal-eks sieħba tal-akkużat. 

L-Avukat Difensur Mario Mifsud staqsa lix-xhud jekk tkellmitx mal-allegat vittma dwar dak li kien għaddej minnu l-akkużat. “M’għandix għalfejn nitkellem magħha dwar dawn l-affarijiet,” wieġbet ix-xhud. 

Tgħid li kienet ixxukkjata meta l-akkużat qalilha li kien qed joħroġ mat-tifla, li qalet li ma kinitx turi rispett u kienet kontinwament tiġġieled ma’ ommha. Hija kompliet tiddeskrivi lill-familja tal-vittma bħala “mhux nomali.”

L-avukat issuġġerixxa jekk it-tifla ż-żgħira li l-akkużat kien joħroġ magħha, kinitx qalet lill-Qorti li x-xhud kienet hedditha. “Qatt,” wieġbet hi, waqt li ċaħdet li qatt tkellmet dwar il-każ mat-tfajla jew li għamlet pressjoni fuqha biex tibdel il-verżjoni tagħha. 

Kontro-eżaminat mill-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, hija qalet li l-akkużat u t-tfajla tiegħu dehru li kienu jinħabbu. “Kont niltaqa’ magħhom biex inżomm għajnejja fuq dak li kien qed jiġri. Ma kinux jiġġieldu u bdejt naħseb li bilfors inbidlet.” 

Id-Difiża sejħet lill-Ispettur tal-Pulizija Oriana Spiteri biex tikkonferma jekk kinitx akkużat lill-eks sieħba tal-akkużat b’ġurament falz, iżda ċaħdet is-suġġeriment li t-tifla kienet semmiet xi theddid li wassalha biex tibdel il-verżjoni tagħha.

Il-ġuri, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikompli llum. F’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed tidher ukoll l-Avukat Angele Vella. L-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher parte civile. 

Ekonomija

Sport