Il-komunità taż-Żebbuġ Għawdex nhar il-Ħadd iċċelebrat il-festa ad unur San Fortunatu Martri, il-konpatrun tar-raħal, b’purċissjoni u ċelebrazzjoni reliġjuża fil-knisja parrokkjali.
Din il-festa kellha għeruq storiċi importanti għall-komunità Żebbuġija. Kien fis-sena 1922, bit-tħabrik tal-Kappillan Dun Mikelang Cauchi, li l-għadam ta’ San Fortunatu, li kien instab fil-katakombi ta’ Santa Anjeże f’Ruma, inġabar u ġie ppreżentat għall-venerazzjoni tal-poplu f’forma ta’ korp sant.
Ir-relikwa kienet ġiet irregalata lill-Knisja mill-familja Mizzi fis-sena 1860 u kienet inżammet f’kaxxa ssiġillata. Il-korp sant inħadem mill-artist Wistin Camilleri u ġie mlibbes mis-saċerdot Giorgio Faenza, mir-Rabat.
Fil-kitba tiegħu Iż-Żebbuġ u l-Ġrajja Tiegħu, Monsinjur Andrea Vella kien ta rendikont dettaljat tat-traslazzjoni solenni tal-korp sant ta’ San Fortunatu, li kienet saret fis-16 ta’ Lulju 1922 mill-Knisja ta’ San Ġorġ, fil-Belt Victoria, lejn il-parroċċa taż-Żebbuġ.
Din it-traslazzjoni kienet saret bis-sehem tal-kleru u tal-fratellanzi taż-Żebbuġ u ta’ San Ġorġ. Il-korp sant, merfugħ minn erba’ saċerdoti, għadda mill-pjazza tat-Tokk, lejn il-pjazza ta’ Savina u minn hemm lejn wara s-Sur.
Meta l-purċissjoni waslet fiż-żona tal-Wied tal-Qasab, qrib l-għajn, saret waqfa fejn fuq pulptu mħejji apposta tela’ Dun Ġużepp Hili, dak iż-żmien Kappillan tat-Triq tal-Għajn, u għamel diskors għall-okkażjoni. F’dak il-mument, il-poplu Żebbuġi ġie mistieden jagħraf lil San Fortunatu bħala protettur speċjali tar-raħal tiegħu.
Wara l-priedka, is-seminaristi kantaw l-innu tal-Martri u l-qaddis ġie nċensat. Il-purċissjoni mbagħad kompliet lejn ir-raħal, bis-sehem tal-kleru, il-fratellanzi u l-poplu, fost il-kant tat-tfal u sparar tul it-triq kollha.
Mal-wasla fil-knisja parrokkjali, tkantat l-antifona bil-mużika, filwaqt li l-Kappillan Dun Mikiel Anġ Cauchi għamel diskors ta’ merħba lill-protettur il-ġdid tar-raħal. Wara tkanta t-Te Deum u ngħatat il-Barka Sagramentali.
Il-ġurnata kienet imżejna wkoll b’luminazzjoni tal-faċċata tal-knisja, filwaqt li t-triq tal-knisja kienet imżejna b’arki tal-palm u l-ward.
Kważi seklu wara dawk il-ġrajjiet, il-poplu taż-Żebbuġ kompla jżomm ħajja din it-tradizzjoni reliġjuża u storika, filwaqt li kompla juri d-devozzjoni tiegħu lejn San Fortunatu Martri, il-konpatrun u l-protettur tar-raħal.
