Tuesday, December 24, 2024

Iż-żewġ każi ta’ Strep A f’pajjiżna din ix-xitwa t-tnejn jinsabu tajbin

Inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ tarbija għad trid tikkonferma l-kawża tal-mewt tagħha

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pajjiżna din ix-xitwa kellu rappurtati żewġ każi ta’ Strep A. Fl-aħħar sentejn konna kollha lebsin il-maskri, ma konniex qegħdin noħorġu, ma konniex qegħdin nitħalltu man-nies u numru ta’ restrizzjonijiet wasslu biex prattikament ma jkollniex każi, iżda fi xtiewi oħrajn normalment dejjem ikollna każi. Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għal waħda mid-domandi li sarulu minn dan il-ġurnal rigward rapporti ta’ każi ta’ dan il-mikrobu.

Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li din hija l-iktar infezzjoni komuni fil-griżmejn. Hija qalet li l-inkwiet iseħħ meta jkollok Step A invażiva li sseħħ meta l-mikrobu jinfirex f’postijiet bħalma huma fid-demm, fil-ġogi jew fil-meninġite. Hija qalet li f’dawn il-każi importanti li l-iStreptococcus tat-tip A jiġi identifikat malajr kemm jista’ jkun u jingħataw it-trattament. Hija qalet ukoll li l-awtoritajiet qassmu wkoll ċirkulari lit-tobba biex dawn jiġu infurmati dwar il-każi u kif għandhom jaġixxu anke b’antibijotiċi fejn ikun hemm bżonn. 

Huma kkonfermaw li din ix-xitwa kien hemm żewġ każi tal-iStreptococcus tat-tip A li dawn it-tnejn li huma jinsabu tajbin. Mistoqsijin rigward il-każ ta’ tarbija li allegatament mietet waqt li kienet infettata bil-mikrobu, huma kkonfermaw li għaddejja inkjesta maġisterjali b’rabta mal-mewt ta’ tifla, iżda li ladarba din għadha għaddejja mhumiex f’pożizzjoni li jgħidu x’kienet il-kawża tal-mewt tagħha.

Ekonomija

Sport