Monday, May 13, 2024

Royal Malta Yacht Club se jospita l-Yachting Malta EurILCA Masters

Aqra wkoll

Ir-Royal Malta Yacht Club se jospita l-ewwel avveniment internazzjonali tiegħu għall-2023 bejn is-6 u t-8 ta’ Jannar meta se jilqa’ flotta mdaqqsa li ser tkun qeda tikkompeti fl-avveniment Yachting Malta EurILCA Masters tal-2023, li jifforma parti mill-EurILCA Master Series.

Il-EurILCA Masters hija sensiela ta’ regatti li jsiru matul is-sena f’diversi postjiet mill-isbaħ madwar l-Ewropa u l-kompetizzjoni hija miftuħa għall-baħrin li għandhom aktar minn tletin sena fl-2023. Malta se tkun qed tospita avvenimenti għall-klassijiet ILCA 7 u ILCA 6, u se tilqa’ sitta u għoxrin baħri li ġejjin minn ħdax-il Pajjiż.

It-Taljan Roberto Bini u Giuseppe Cavalli, ir-rebbieħ u runner up tal-ILCA Klassi 7 tas-sena l-oħra rispettivament, kif ukoll numru ta’ baħrin oħra se jkunu qed jirritornaw fl-ibħra tagħna.

It-tlielaq huma skedati li jibdew nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar fl-1130 ta’ filgħodu fil-Port ta’ Marsamxett. Fi tmiem il-ġimgħa mistennija jsiru tliet tiġrijiet kuljum għal total ta’ disa’ tiġrijiet.

 “Din se tkun it-tieni darba li r-Royal Malta Yacht Club se jkun qed jospita dan l-avveniment. Wara r-regatta ta’ suċċess tas-sena l-oħra, Malta reġgħet ġiet inkluża fil-programm ta’ avvenimenti tal-EurILCA. L-EurILCA Masters Series tippermettilna, bħala Club, li nipprovdu portafoll wiesa’ ta’ avvenimenti għal kull tip ta’ baħrin, f’dan il-każ baħrin tad-dinghy” irrimarka Club Commodore, David Cremona.

Malta se tkun rappreżentata minn tliet baħrin, li tnejn minnhom huma l-atleti Olimpiċi Mario Aquilina u John Tabone, magħhom ser jingħaqad Alfred Fenech. Huma ser jkunu qed jtellqu fil-Klassi ILCA 7 u 6 rispettivament.

Bosta mill-baħrin parteċipanti vvjaġġaw lejn Malta aktar kmieni din il-ġimgħa għal clinic tal-ibburdjar ospitata fil-Club minn SailCoach li tippermettilhom jifamiljariżżaw rwieħhom mal-kundizzjonijiet Maltin filwaqt li jsaħħu t-teknika tar-riħ tagħhom u jibnu ritmu kompetittiv ma’ batterija ta’ tiġrijiet ta’ prattika.

SailCoach jopera mill-bażi tar-Royal Malta Yacht Club u kien strumentali biex jinġiebu f’Malta avvenimenti bħal dawn.

 “Dawn il-baħrin qed jagħmlu l-aħjar użu mill-faċilitajiet u l-kundizzjonijiet eċċellenti li Malta għandha x’toffri u qed jużaw il-ħin tagħhom f’Malta bħala regatta ta’ buildup għall-Kampjonati tad-Dinja fit-Tajlandja fi Frar.” irrimarka Trevor Millar, Fundatur SailCoach.

L-avveniment tal-EurILCA Masters tal-2023 qed jiġi appoġġjat minn Yachting Malta Ltd.

Sport