Tuesday, December 24, 2024

“Iż-żewġ naħat għandhom jiddiskutu malajr linji gwida dwar l-użu ta’ mobiles fil-parlament”

L-Ispeaker iqis t-teħid ta’ ritratti u filmati mingħajr permess m’għandhomx ikunu aċċettati

Aqra wkoll

Iż-żewġ naħat għandhom jiddiskutu kemm jista’ jkun malajr b’mod matur sabiex jiġu stabbiliti linji gwida dwar din il-materja kif ukoll dwar l-użu ta’ mobile phones jew tablets fil-Kamra tad-Deputat u l-Kumitati tal-Kamra. Iddikjara dan l-Ispeaker Anġlu Farrugia wara li fis-seduta preċedenti ntalab ruling rigward teħid ta’ ritratti minn kameras li mhumiex tal-Kamra. Kienu l-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra, l-Onorevoli Andy Ellul għall-gvern u l-Onorevoli Robert Cutajar għall-Oppożizzjoni li talbu l-istess ruling.

Filwaqt li rrefera għal deċiżjonijiet ta’ rulings mill-passat, Farrugia qal li jidher li s-sedja dejjem interpretat it-teħid ta’ ritratti u filmati tal-proċeduri tal-Kamra mingħajr permess bħala xi ħaġa li m’għandhiex tiġi aċċettata. Żied isaħħaħ l-argument tiegħu billi fakkar li kull meta jkun hemm talba għal dħul ta’ fotografu jew vidjografu fil-Kamra jew Kumitat dejjem ikun meħtieġ il-permess taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Sostna li fuq dawn ir-raġunijiet is-sedja tesprimi ruħha kontra t-teħid ta’ filmati u ritratti b’mobile phones, cameras jew b’mezz ieħor fil-Kamra jew Kumitat waqt li qed jiltqgħu dejjem sakemm ma jkunx hemm qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra jew kumitat skont il-każ.

Is-sedja hija wkoll tal-fehma li fin-nuqqas ta’ dan il-permess, id-dekor tal-Kamra, ir-rispett lejn membri tal-parlament, l-etikett u imġiba xierqa jitolbu li l-filmati u ritratti m’għandhomx jittieħdu la fil-Kamra, jew Kumitati jew madwar, partikolarment meta membru/i jkunu fil-post biex jaqdu l-mandat parlamentari tagħhom.

Rigward dak li huwa xandir tas-seduti, l-Ispeaker rrefera għall-ordnijiet permanenti li ġew emendati bis-saħħa ta’ riżoluzzjoni 290 tal-2015, is-sena meta l-parlament beda juża din il-binja u jxandar b’mod viżiv kull seduta u Kumitat tal-Kamra. Qal li dawn jindikaw li s-seduti għandhom jixxandru fl-intier tagħhom u li l-Ispeaker jista’ jordna l-interruzzjoni tax-xandiriet meta fl-opinjoni tiegħu jkun meħtieġ. Fil-każ ta’ seduti miżmuma fil-magħluq, dawn is-seduti ma jixxandrux.

Huwa aċċenna għall-fatt li biex setgħu jintużaw cameras fil-Kamra tad-Deputati u fil-Kumitati b’mod regolari, iż-żewġ naħat tal-kamra qablu ma’ numru ta’ liniji gwida li jirrgolaw u jillimitaw l-użu ta’ dawn il-cameras.

Madanakollu kemm l-Ordni Permanenti kif ukoll linji gwida kif approvati fl-2015 huma kompletament siekta dwar l-użu tal-mobiles u cameras fil-Kamra jew Kumitati. 

Minkejja dan huwa rrefera għas-setgħa li għandha s-sedja, li tista’ tordna lill-barranin li jkunu qed isegwu s-seduti biex ma jeħdux ir-ritrati jew filmati.

Ekonomija

Sport