Monday, April 22, 2024

Skema ta’ €15-il miljun għal xiri ta’ vetturi elettriċi

Aqra wkoll

Tnediet skema ġdida ta’ €15-il miljun għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Din l-iskema għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda, inklużi muturi ġodda, għall-individwi privati, organizzazzjonijiet mhux governattivi, negozji u kumpaniji privati, ​​hija ffinanzjata mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRP).

Din l-iskema għandha tgħin fix-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda fil-Kategoriji L, M u N tal-UE, li jikkonsistu f’karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, vetturi li jġorru l-merkanzija, minibuses, kowċis, quadricycles, muturi, u pedelecs, bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ vetturi antiki b’mutur konvenzjonali mit-triq.

Il-Ministru Farrugia spjega li din l-iskema hija waħda minn ħafna li Transport Malta se tkun qed tniedi sabiex tippromwovi l-użu ta’ vetturi aktar nodfa. “Permezz ta’ din l-iskema qed naraw li nkomplu nimbuttaw ‘il quddiem mezzi ta’ trasport li huma ferm aktar ambjentalment nodfa. Dan huwa investiment dirett fin-nies hekk kif mhux biss qed noffrulhom għajnuna finanzjarja biex jibdlu l-vettura tagħhom, imma huwa wkoll investiment dirett li jwassal għal kwalità ta’ arja aħjar. Ta’ min ifakkar li s-settur tat-trasport huwa l-akbar kontributur fit-tniġġis tal-arja u b’hekk bħala Gvern se nkomplu ninvestu f’dan il-qasam,” stqarr il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-iskema tal-vetturi elettriċi ffinanzjati mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, qed tgħin biex is-settur tat-trasport isir aktar sostenibbli u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi privati tagħna. “Hemm allokati €50 miljun, mifruxa fuq tliet snin, fejn €15-il miljun ġew allokati fl-2022, €15-il miljun oħra qegħdin nallokawhom għal din is-sena u l-aħħar €20 miljun se jiġu allokati sal-aħħar tal-2024, bil-għan li aktar sewwieqa jagħmlu l-bidla lejn vetturi elettriċi,” stqarr is-segretarju parlamentari.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Officer – Land Transport fi ħdan Transport Malta (TM) Pierre Montebello qal li bħala regolatur tat-trasport f’pajjiżna, TM tinsab kommessa li toffri aktar opportunitajiet sabiex pajjiżna ikollu trasport aħjar u aktar ambjentalment sostenibbli. “Huwa propju għalhekk li nedejna din l-iskema u flimkien ma’ inizjattivi oħra, inkluż dawk ta’ trasport pubbliku b’xejn, TM qed tassigura li jkollna trasport aktar nadif, effiċjenti u sostenibbli f’pajjiżna,” stqarr Pierre Montebello.

Applikanti li jissodisfaw il-kriterji ta’ din l-iskema, jistgħu jkunu xtraw il-vettura mill-1 ta’ Jannar 2023 ‘il quddiem. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq www.transport.gov.mt.

Sport