Wednesday, April 24, 2024

KLIJENTELIŻMU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-pjaga tal-klijenteliżmu ilha tiġi prattikata u diskussa dwar il-politika Maltija kemm ili nsegwi lil din tal-aħħar, u bla dubju wkoll minn ħafna qabel. Fiż-żminijiet li qed insemmi, kienet tintrabat ma’ kif id-demokristjani kienu jmexxu pajjiżhom fl-Italja; u konna nqabblu lilna nfusna magħhom, kemm taħt il-PN, kemm taħt il-Labour.

Effettivament teżisti kull fejn hemm demokrazija rappreżentattiva għaddejja; fejn il-voti jiddeterminaw min imexxi u fejn kif takkwistahom idaħħal impenn qawwi biex tara li dan se jiġri.

Mhux fl-Ewropa biss: fid-demokrazija Amerikana, tissemma’ l-hekk imsejħa spoils system: fit-tmexxija ta’ kampanja politika, trid voluntiera biex jgħinu. Min jirbaħ għandu kull inċentiv (kull raġun hemm min isostni) jirregala lil min għenu, b’xi kariga li se jiddisponi minnha b’riżultat tar-rebħa tiegħu.

Ix-xjenza politika Amerikana kienet tara dan bħala għerq tad-demokrazija rappreżentattiva. M’hemmx xejn ħażin fiha, hi normali. Biss, il-pass minnha sal-klijenteliżmu mhuwiex kbir.

NUQQAS TA’ ILMA

Miċ-ċentru tal-Ewropa tal-Punent, qam dan l-aħħar ilment stramb. L-ilma qed jonqos, dieħla n-nixfa. Tassew fl-aħħar sentejn, ix-xita naqset. L-għelieqi saru kannella ċar. Il-produzzjoni ta’ qmuħ u ta’ inbid fost oħrajn intlaqtet ħażin.

Jintqal li dan hu parti mill-fenomenu li bih il-klima qed tisħon. Ilna nitkellmu dwar in-nixfa li żdiedet mal-Mediterran u ’l isfel minnu, fl-Afrika. F’Malta, “solvejna” dil-problema billi nsaffu l-ilma tax-xorb (biss?) mill-baħar. Mhijiex soluzzjoni sostenibbli biex jiħdaru l-għelieqi tal-Afrika u tal-Ewropa.

Jidhru aktar u aktar importanti issa l-inizjattivi li ttieħdu matul is-snin, u li ġew injorati jew ridikolizzati, biex l-ilma jitqies bħala parti mill-ġid essenzjali tal-umanità f’did-dinja li għandu jitħares bl-akbar galbu.

IT-TAJJEB U L-ĦAŻIN

Nibqgħu fuq id-demokrazija. It-tajjeb tad-demokrazija parlamentari bejn partiti avversarji hu li żżomm lill-gvern tal-ġurnata attent għal li jagħmel. Se jiġi kkritikat jekk jiżgarra, u allura jinżamm l-element ta’ kontabilità dwar it-tmexxija tal-pajjiż. M’hemm xejn aktar siewi minn hekk. U naħseb li sal-lum, taħt gvernijiet differenti, dan kien l-aktar mekkaniżmu li kellu effett fuq kif tmexxa l-pajjiż.

Hemm ħażin ukoll f’dan il-mekkaniżmu iżda. Ir-relazzjoni ta’ bejn avversarji li tiddomina l-forum parlamentari tfisser li partit fil-gvern li qed jiġi kritikat ftit lest jaċċetta li wettaq xi żball. Bil-maqlub, biex iżomm ir-rankatura tat-tmexxija, irid jibqa’ jisħaq fuq kemm għamel tajjeb fl-imgħoddi u llum. Se jara kif anke difetti lampanti li huma ċari għal kulħadd, iwaħħalhom fuq ħaddieħor jew iċajparhom fid-diskors.

Dan iwassal biex difetti li l-kritika tkun qabdet magħhom u li jmisshom jiġu msewwija, jispiċċaw injorati għax joħolqu wisq “trouble”. Jew anke jiġu ġustifikati.

Sport