Saturday, October 26, 2024

Iż-żewġ sajjieda akkużati bil-qtil ta’ Brian Rosso MHUX ħatja

Aqra wkoll

Iż-żewġ sajjieda li kienu għaddejjin ġuri mixlijin bil-qtil ta’ Brian Rosso ma nstabux ħatja mill-ġurati li aktar kmieni ddeliberaw dwar din id-deċiżjoni.

Anthony Bugeja ta’ 55 sena minn Marsaxlokk u l-Isqalli Piero Di Bartolo ta’ 48 sena, li jgħix Birżebbuġa kienu akkużati bil-qtil ta’ Rosso.

B’seba’ voti kontra tnejn sabu liż-żewġ akkużati mhux ħatja tal-qtil.

Bi tmien voti kontra wieħed huma lanqas instabu ħatja b’kompliċità fil-qtil u li ħbew il-katavru.

Matul il-ġuri l-prosekuzzjoni sostniet li Rosso nqatel mill-akkużati fuq l-art fl-10 ta’ Ottubru 2005 imbagħad twaddab fil-baħar fejn baqa’ qatt ma nstab. Min-naħa tagħhom l-avukati difensuri sostnew li l-prosekuzzjoni lanqas ma ppruvat li Rosso miet jew inqatel.

Qabel daħlu jiddeliberaw, l-Imħallef Scerri Herrera fakkret lill-ġurati illi l-akkużati, għadhom preżunti innoċenti sal-mument illi huma stess jiddikjarawhom ħatja. Sostniet li huma kellhom din ir-responsabbiltà u li dak kollu li semgħu dwar l-akkużati ma jagħmilhomx ħatja jew mhux ħatja.

L-Imħallef Scerri Herrera appellat biex f’każ ta’ inċertezza, il-ġurati m’għandhomx jimlew il-vojt huma u bl-eżempju tal-jigsaw puzzle, hija sostniet li l-ġurati ma setgħux jagħmlu xogħol il-prosekuturi u għalhekk ma setgħux jimlew il-vojt fi stampa li tista’ ma tkunx ċara minn dak li semgħu fl-aħħar jiem. Saħqet li fid-deċiżjoni tagħhom ma jistax ikun hemm probabbilment jew possibbilment, iżda jrid ikun hemm konvinzjoni.

Sport