Wednesday, April 24, 2024

Inizjattivi favur l-inklussività ta’ nisa b’diżabilità intellettwali anki permezz tal-isport

Lydia Abela f’diskussjoni f’Berlin qabel il-Logħob Dinji ta’ Special Olympics

Aqra wkoll

“Lin-nisa, tfajliet u bniet b’diżabilità intellettwali rridu nagħmlulhom kuraġġ u nkomplu b’inizjattivi favur aktar opportunitajiet għalihom f’soċjetà inklussiva”, kien il-messaġġ prinċipali li għaddiet mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, waqt diskussjoni dwar nisa u tfajliet b’diżabilità intellettwali li saret is-Sibt filgħodu f’Berlin qabel il-ftuħ tal-Logħob Dinji ta’ Special Olympics.

F’diskussjoni ma’ akkademiċi, atleti u anke rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali, Dr Lydia Abela mhux biss fissret dak li qed tagħmel Malta biex tindirizza sfidi li jkollhom il-persuni b’diżabilità, fosthom nisa, iżda rrimarkat għal messaġġ qawwi li tibgħat Special Olympics, li tiċċelebra l-ħiliet u l-potenzjal ta’ kull persuna. Dr Abela sostniet li pajjiżna ntrefa’ ’l fuq minn mentalità fejn hemm sport assoċjat biss mal-irġiel. Qalet li b’inizjattivi li qed isiru f’diversi livelli f’dixxiplini sportivi differenti bħall-futbol u r-rugby, in-nisa qed jinvolvu ruħhom f’aktar dixxiplini sportivi li qabel kienu assoċjati biss mal-irġiel.

“Il-politika nazzjonali għall-isport f’pajjiżna wkoll tisħaq fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dak li għandu x’jaqsam mal-opportunitajiet sportivi u timbotta anke l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’kull livell sportiv”, qalet Lydia Abela. Hija semmiet inizjattivi sportivi anke permezz ta’ SportMalta li jrawmu lill-bniet, sa minn etajiet bikrija, jinvolvu ruħhom fl-isport.

Marbuta mat-tema tad-diżabilità, fil-kapitali Ġermaniża, Lydia Abela spjegat li pajjiżna jrid ikompli jsaħħaħ ix-xogħol li qed isir favur l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità b’opportunitajiet diversi. Irrimarkat għall-fatt li fl-aħħar snin ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-settur tax-xogħol irdoppjat, u nnutat li min iħaddem jirċievi appoġġ u inċentiv biex iħaddem persuni b’diżabilità.

Lejn tmiem id-diskussjoni, Lydia Abela rreferiet għall-Ispecial Olympics Invitational Games organizzati f’pajjiżna s-sena l-oħra fejn Malta bagħtet messaġġ b’saħħtu madwar l-Ewropa favur l-inklussività. Fissret is-Special Olympics bħala raġġ ta’ tama għall-persuni b’diżabilità u awgurat lill-atleti kollha miġbura f’Berlin għal-Logħob Dinji ta’ Special Olympics.

Sport