Iż-żewġ timijiet ta’ Manchester irreġistraw rebħa biex komplew jixħtu l-pressjoni fuq il-leaders tal-Premier League, Arsenal.
Man City v Aston Villa – Manchester City ospitaw lil Aston Villa u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 liema rebħa setgħet kienet akbar.
Huma fetħu l-iskor minn daqqa ta’ ras ta’ Rodri (4) minn azzjoni ta’ corner.
Fid-39 minuta, is-Citizens irduppjaw minn Ilkay Gundogan li xeħet fix-xibka mill-assist ta’ Erling Haaland.
Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Riyad Mahrez żied ieħor minn penalty filwaqt li Ollie Watkins (61) naqqas il-marġni għall-Villans.
Leeds v Man Utd – Manchester United marru għand Leeds United u minkejja li ma kienux fil-forma solita tagħhom, huma xorta waħda ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Iżda huma kellhom jistennew sat-80 minuta biex fetħu l-iskor meta Marcus Rashford konkluda bir-ras mill-cross ta’ Luke Shaw.
Kien goal li ħasad għal kollox lil Leeds u li ddemoralizzahom għall-aħħar, tant, li ħames minuti wara r-Red Devils irduppjaw minn Alejandro Garnacho wara azzjoni personali.