Il-messaġġ ewlieni li ħareġ mill-10 Konferenza tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa responsabbli miż-żgħażagħ kien jiffoka fuq il-kollaborazzjoni lejn politika komuni li ssaħħaħ u tappoġġja liż-żgħażagħ għal futur aħjar għalihom u għall-kontinent Ewropew. Fil-fatt, fi tmiem il-laqgħa, il-Ministri rispettivi adottaw dikjarazzjoni finali u riżoluzzjoni li juru l-prijoritajiet komuni biex jissaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u r-reżiljenza demokratika madwar l-Ewropa.
Il-konferenza li ttellgħet ilbieraħ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) kellha t-tema “Young People for Democracy: Youth Perspectives in Action” u attendew għaliha mal-400 parteċipant inkluż komunità unika ta’ Ministri responsabbli miż-żgħażagħ, uffiċjali għolja, rappreżentanti mis-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ u delegati żgħażagħ mis-46 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Stati osservaturi, Organizzazzjonijiet Internazzjonali u Istituzzjonijiet Imsieħba huma wkoll preżenti.
Il-konferenza nfetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Dan l-avveniment kien organizzat fuq l-inizjattiva u l-istedina tal-Gvern ta’ Malta, fil-qafas tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li poġġiet il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-demokrazija fil-qalba tal-aġenda tagħha.
Is-Segretarju Ġenerali Berset stqarr li ż-żgħażagħ Ewropej qed juru t-tħassib tagħhom dwar il-gwerer li qed jaffaċċjaw fi żmienhom, dwar il-kriżi klimatika, u dwar it-teknoloġiji li qed ibiddlu ħajjithom. Huwa qal li din il-laqgħa hija l-opportunità tagħna biex inwieġbu għall-appell tagħhom u nuru li d-demokrazija tagħti frott, billi niżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom leħen veru fid-deċiżjonijiet li jiffurmaw l-Ewropa tal-lum.”
Fil-kummenti introduttorji tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li jinsab kunfidenti li din il-laqgħa kienet se tagħti enerġija u spinta ġdida għall-impenn komuni tagħhom biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u “nagħtuhom is-setgħa li jifformaw il-futur tagħhom u tal-Ewropa”.
“Irridu nisimgħu x’għandhom xi jgħidu ż-żgħażagħ għax il-vuċijiet tagħhom huma ċentrali għas-suċċess tal-futur. Dan huwa ċ-ċans tagħna li nfasslu policies għaż-żgħażagħ li jħallu l-impatt mixtieq, li jagħtu s-setgħa, li jinkludu u li jispiraw,” tenna l-Ministru Grima.
Interventi oħra waqt din il-konferenza saru mill-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport Glenn Micallef, il-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Theodoros Rousopoulos, il-President tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa Marc Cools u l-President tal-Kunsill Konsultattiv dwar iż-Żgħażagħ u l-Kunsill Konġunt dwar iż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa Nina Grmuša.