Monday, April 29, 2024

“Iż-żgħażagħ huma kruċjali fil-ħidma għall-paċi” – Il-Ministru Ian Borg lill-Kunsill tas-Sigurtà

Laqgħat importanti mas-Segretarju Ġenerali Antonio Guterres u uffiċjali oħrajn

Aqra wkoll

“Iż-żgħażagħ qed jagħmlu differenza pożittiva fil-ħidma għall-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran u jeħtieġ li naħdmu aktar biex nagħtuhom l-ispazju sabiex jersqu ’l quddiem fil-ħidma għall-paċi u r-reżiljenza fil-komunitajiet tagħna.”

Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed imexxi dibattitu dwar l-irwol taż-żgħażagħ fl-impenn lejn is-sigurtà fir-reġjun Mediterranju, it-tieni signature event li qed torganizza Malta fil-Presidenza tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, fi New York.

Il-Ministru Borg tenna li l-Mediterran għandu bosta sfidi, primarjament minħabba tensjonijet ġeopolitiċi, terroriżmu, sigurtà marittima, tibdil fil-klima u anke ċibersigurtà. B’hekk, huwa kruċjali li jkun hemm approċċ olistiku u kooperazzjoni b’saħħitha bejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun. “Is-soċjetà ċivili, speċjalment iż-żgħażagħ, għandhom rwol ċentrali biex niksbu bidliet pożittivi fil-ħidma għall-paċi.”

Fid-diskors tiegħu, il-ministru spjega kif ir-reġjun tal-Mediterran huwa wieħed li għandu fost l-iżgħar popolazzjoni f’termini ta’ età, b’wieħed minn kull tliet persuni taħt il-25 sena, u dawn ħafna drabi tħallew barra minn proċessi ta’ deċiżjonijiet. “Hemm bżonn li dawn iż-żgħażagħ ikunu inklużi u jipparteċipaw f’bosta deċiżjonijiet li jittieħdu biex niżguraw aktar inklussività u innovattività fl-ideat li mmexxu ’l quddiem.”

Il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar kif fir-reġjun Mediterranju għadna naraw żgħażagħ vittmi ta’ sterjotipi u diskriminazzjoni. Hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali biex iż-żgħażagħ ma jkunux esposti għal sfidi bħal dawn.

Matul il-jum tal-Erbgħa, il-President tal-Kunsill tas-Sigurtà Ian Borg kellu wkoll laqgħa interessanti ferm mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres, dwar il-kollaborazzjoni bejn Malta u n-Nazzjonijiet Uniti, li kompliet tissaħħaħ permezz tal-Presidenza Maltija ta’ dan ix-xahar. Il-Ministru stqarr li din il-ħidma konġunta tista’ tkompli teċċella fiż-żmien li ġej, bħala parti mill-għanijiet tal-politika barranija Maltija.

Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tal-Mediterran Nasser Kamel, li wkoll ħa sehem fil-konferenza dwar iż-żgħażagħ fil-Mediterran.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport