Monday, April 29, 2024

Malta tingħaqad fl-inizjattiva internazzjonali “Lighthouse” favur it-tisħiħ tal-impenn lejn l-enerġija rinnovabbli

Aqra wkoll

Malta kompliet tenfasizza l-impenn tagħha biex tavvanza inizjattivi favur l-enerġija rinnovabbli u s-sostenibbiltà waqt sensiela ta’ laqgħat li saru matul l-Assemblea Ġenerali tal-IRENA. Irrappreżentata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, Malta kompliet tippromwovi politika aktar b’ saħħitha favur l-enerġija rinnovabbli fost l-Istati gżejjer żgħar.

L-14-il sessjoni tal-Assemblea tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) qed tiltaqa’ f’Abu Dhabi, u qed tiġbor flimkien aktar minn 144 nazzjon. L-għan huwa li jiġu diskussa l-prijoritajiet għat-tranżazzjoni tal-enerġija u x’azzjonijiet immedjati huma meħtieġa biex tiżdied il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli.

Matul din l-Assemblea, Malta ġiet mistiedna tissieħeb fis-“Small Island Developing States (SIDS) Lighthouse Initiative”, biex toffri wkoll l-appoġġ tagħha għall-alleanzi ma’ stati li qed jiżviluppaw u li jaqsmu sfidi komuni. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli, tħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-SIDS, issaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima, u tikkontribwixxi għall-kisba tal-SDGs.

“Malta hija impenjata li timplimenta politika li tippromwovi l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Bis-sħubija f’din l-inizjattiva, qed nikkollaboraw ma’ pajjiżi oħra li għandhom l-istess viżjoni. Flimkien, nistgħu naqsmu l-għarfien u l-esperjenzi tagħna biex insibu modi kif inżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli minkejja l-limitazzjonijiet fiżiċi tal-pajjiżi involuti,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Hija ltaqgħet ukoll mad-Direttur Ġenerali tal-IRENA, Francesco La Camera. Waqt id-diskussjonijiet bilaterali, iż-żewġ naħat tkellmu dwar kif il-pożizzjoni strateġika u r-riżorsi ta’ Malta jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-inizjattiva “Lighthouse” u jkunu ta’ appoġġ għal pajjiżi oħra li jaffaċċjaw sfidi ġeografiċi u ambjentali simili.

F’kummenti wara l-laqgħa, il-Ministru Dalli qalet “Il-politika li qed niżviluppaw bħala nazzjon intlaqgħet tajjeb u qed jitqiesu bħala eżempji pożittivi għal pajjiżi żgħar u stati gżejjer oħra bħalna. Bħalissa qegħdin f’taħditiet mal-IRENA biex nesploraw it-teknoloġiji emerġenti li jistgħu ikunu tajbin għal gżejjer bħal tagħna. Peress li l-gżejjer għandhom sfidi uniċi meta mqabbla ma’ nazzjonijiet akbar, hemm bżonn teknoloġija speċifika li toffri l-flessibbiltà u l-innovazzjoni meħtieġa biex nilħqu l-bżonnijiet tagħna.”

Malta kienet mistiedna wkoll biex tieħu sehem f’diskussjoni, li laqqgħet flimkien mexxejja minn 13-il il-gżira u stat żgħir ieħor, rappreżentanti min-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji. Id-diskussjoni ffukat fuq l-applikazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, il-finanzjament, u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw in-nazzjonijiet ż-żgħar, bħall-aċċessibbiltà finanzjarja, il-vulnerabbiltajiet fil-katina tal-provvista, u l-bżonn ta’ infrastruttura robusta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport