Il-Ħadd li għadda ġie fi tmiemu l-Ġublew taż-Żgħażagħ f’Tor Vergata, fin-nofsinhar ta’ Ruma, b’quddiesa li tmexxiet mill-Papa Ljun XIV. Preżenti għaliha kien hemm mal-miljun żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja kollha. Malta kienet rappreżentata b’mod qawwi, b’diversi gruppi taż-żgħażagħ, fosthom it-Tagaste Youths taħt il-gwida tal-Provinċjal tal-Agostinjani f’Malta, Fr Leslie Gatt OSA.
F’intervista ma’ għal dan is-sit Fr Leslie saħaq fuq l-importanza ta’ mumenti bħal dawn fil-ħajja tal-Knisja u taż-żgħażagħ. “Meta tara żgħażagħ li għażlu li jqattgħu l-bidu tas-sajf tagħhom f’pellegrinaġġ ta’ fidi, f’ambjent ta’ merħba, ta’ sfidi u bla kumditajiet, wieħed ma jistax ma jħossx tama kbira. Huma l-prova ħajja li l-fidi għadha relevanti, li Kristu għadu jsejjaħ f’qalb il-bniedem,” qal Fr Leslie.

Fr Leslie jirrakkonta wkoll kif l-ispontanjetà tal-ferħ li ħareġ meta deher il-Papa t-Tlieta li għadda, fil-bidu tal-Ġublew taż-Żgħażagħ, kienet xi ħaġa inkredibbli. “Għajnejn mimlija dmugħ, idejn li qiegħdu jxejru, u f’ħafna każijiet, mumenti ta’ silenzju profond. Kien mument verament ta’ laqgħa ma’ Kristu.”
Fost id-diversi gruppi li ġew minn Malta, il-Tagaste Youths, immexxijin mill-Agostinjani, ħadu sehem f’attivitajiet ta’ talb, taħditiet, skambju ta’ opinjonijiet u pellegrinaġġi reliġjużi madwar Ruma. Fr Leslie jispjega li, minkejja s-sħana kbira u l-ambjent ta’ sfida ma kien hemmx ħafna kumditajiet, is-sens ta’ għaqda u għatx għal Alla kien preżenti b’mod qawwi.
“Rajt żgħażagħ mimlijin mistoqsijiet, li ġejjin bil-fidi tagħhom xi drabi mċajpra, imma xorta jfittxu. U dan hu sabiħ. Ma ġewx għal xi vaganza, iżda għal esperjenza spiritwali.

F’diversi djalogi, issemmew temi bħal tama, paċi, relazzjonijiet, skop fil-ħajja u l-preżenza ta’ Alla f’mumenti ta’ tbatija.”
Minbarra t-Tagaste Youths, kien hemm ukoll preżenza ta’ żgħażagħ li telgħu Ruma mal-Mixja Neo-Katekumenali u mas-Sorijiet tal-Karità. Dawn kollha ffurmaw komunità Maltija diversa, iżda magħquda f’fidi waħda.
Fr Leslie jħoss li l-Ġublew taż-Żgħażagħ għandu messaġġ ċentrali għal-lum: il-Knisja trid toħroġ mill-formalitajiet u terġa’ tgħix fil-qalb tan-nies. “Ma konniex qed ngħixu f’ambjent ta’ konferenzi klimattizzati, iżda taħt ix-xemx, fuq bankijiet f’toroq mimlijin sa ruħ ommhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Knisja kienet ħajja, mhux bħala bini jew istituzzjoni, iżda bħala komunità, bħala mixja.”
Jirrimarka wkoll li Papa Ljun XIV ikkwota lil Santu Wistin, fundatur tal-Ordni Agostinjan: “Il-qalb tal-bniedem tibqa’ mħassba sakemm issib il-mistrieħ f’Alla.” Din il-frażi saret ċavetta għar-riflessjoni ta’ ħafna żgħażagħ.

“Meta żagħżugħ jgħidlek li kien ilu ma jitolbok, u f’dawn il-jiem reġa’ sab lil Alla, tirrealizza li m’hemmx bżonn eluf ta’ kliem jew katekeżi kumplikata. Kull ġest sempliċi ta’ preżenza u mħabba jagħmel differenza. U dan hu l-irwol tal-Knisja, li tkun hemm,” qal Fr Leslie b’ċertu emozzjoni.
Huwa jemmen li dawk il-mumenti għandhom jerġgħu jiġu tradotti f’esperjenzi konkreti meta dawn iż-żgħażagħ jirritornaw Malta: “Ma nistgħux inħalluhom jinżlu mill-muntanja bla direzzjoni. Jeħtieġ li l-parroċċi, il-movimenti, u l-komunitajiet pastorali jilqgħu lil dawn iż-żgħażagħ b’serjetà. Jekk mhux se jsir hekk, nitilfu opportunità kbira ta’ tiġdid.”

Jistieden ukoll lill-Knisja f’Malta biex tagħraf dan il-mument bħala waħda mill-aqwa opportunitajiet ta’ evanġelizzazzjoni kontemporanja. “Il-Ġublew mhuwiex avveniment li jispiċċa. Huwa bidu. Issa hu ż-żmien biex inżergħu dak li nġabar hemm – l-esperjenzi, ir-riflessjonijiet, l-għana tal-fidi.”