Erbgħin żagħżugħ u żagħżugħa, mill-Fgura qasmu u ddiskutew l-ideat tagħhom għall-spazju miftuħ ġdid ta’ 52,000 metru kwadru li Project Green ser tkun qiegħda toħloq fil-lokalità tagħhom. Dan il-proġett huwa wieħed mill-erba’ proġetti mħabbra riċentament li ser jibbenefikaw minn Fondi Ewropej.
Project Green, li tifforma parti mill-Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriża, organizzat s-sessjoni ta’ placemaking għal rappreżentanti ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ differenti fil-Fgura, bl-appoġġ tal-Fgura Scout Group. Il-periti tal-aġenzija ħadmu flimkien mal-adoloxxenti, filwaqt li ddiskutew il-karatteristiċi tal-proġett ippjanat u identifikaw proposti ġodda biex jiżguraw li din iż-żona ġdida tirrifletti tassew l-aspirazzjonijiet tal-komunità.
Il-parteċipanti ġew imħeġġa jaħsbu b’mod kritiku dwar il-proġett, jiktbu l-ideat tagħhom, u joħolqu mudelli 3D billi jużaw għodod ipprovduti minn Project Green. Fl-istess ħin, 70 tifel u tifla oħra tal-Iscouts, ipparteċipaw f’logħob maħsub biex irawwem l-imħabba tagħhom għall-ambjent u l-avventura.
Steve Ellul, CEO ta’ Project Green, enfasizza l-bidla sinifikanti li ser tkun qiegħda seħħ fil-Fgura, permezz ta’ dan l-ispazju miftuħ ġdid, ftit ‘il bogħod minn żewġ parks oħra eżistenti. Dan is-sit flimkien ma’ ġnien kottoner se jkunu qed jiffurmaw l-akbar spazju miftuħ li se jkollna Malta, saħansitra akbar minn Ta’ Qali. Ir-riġenerazzjoni ta’ dan l-ispazju b’ ko-finanzjament mill-UE, se jbiddel sit inaċċessibbli fi ħdan il-Fortifikazzjonijiet tal-Port, fi spazju miftuħ aħdar u li huwa ta’ benefitċċju għar-residenti tal-Fgura u ħafna lokalitajiet oħra fil-qrib, mhux biss għax se jkollhom spazju li fih jistgħu jirrilassaw iżda anki għax jipprovdi arja aktar nadifa.
Il-park il-ġdid se jinkludi żona ta’ logħob għat-tfal, spazji għall-adoloxxenti bi strutturi moderni ta’ rikreazzjoni u żona ta’ pikniks. Il-proġett se jinkorpora prattiki ta’ tisbiħ sostenibbli, bħall-introduzzjoni ta’ pjanti indiġeni, ġonna tax-xita u disinn li jiffavorixxi l-bijodiversità, biex jippreserva u jsaħħaħ il-valur ekoloġiku taż-żona.
Steve Ellul spjega li dan il-proġett se jgħolli l-valur estetiku, rikreattiv u ekoloġiku ġenerali ta’ żona li hija urbanizzata. Filwaqt li dan se jkun spazju rikreattiv, se jinkoraġġixxi mobilità alternattiva b’passaġġi pedonali li se jgħaqdu l-Fgura u l-ibliet tal-Kottonera.
Filwaqt li ħeġġeġ lill-mexxejja żgħażagħ, Ellul enfasizza s-sessjoni ta’ place-making bħala eżempju ta’ involviment attiv tas-soċjetà għall-ġid akbar tal-komunità. Huwa rringrazzja lill-periti tal-Project Green u lill-mexxejja tal-Iscouts talli organizzaw din l-inizjattiva, filwaqt li enfasizza l-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-proċess tad-disinn għal spazji miftuħa ġodda.
Il-Fgura Scout Group wasslu l-apprezzament tagħhom għal dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni, li involva l-110 membru tagħhom, fit-tfassil ta’ proġett li se jsawwar l-ambjent immedjat tal-komunità għal ħafna ġenerazzjonijiet li ġejjin. Huma rringrazzjaw lil Project Green għall-allinjament mal-għan ewlieni tal-Iscouting fil-kontribut għall-iżvilupp ħolistiku taż-żgħażagħ bħala ċittadini responsabbli fi ħdan il-komunitajiet lokali, nazzjonali u internazzjonali tagħhom.
Għal aktar informazzjoni, żur project.green jew segwi midja soċjali ta’ Project Green.