Monday, May 13, 2024

Tant dara li bil-kemm għandu bżonn iħares lejhom biex jaħdimhom

Il-pasturier Pawlu Muscat f’dimostrazzjoni ta’ kif jaħdem

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-daqs normali tal-pasturi tradizzjonali Malti huwa ta’ 9.5 ċentimetri. Imbagħad hemm dawk tat-12.5 cm u ġieli jsiru dawk ta’ 7.5 cm. Dan il-ġurnal mar għand Pawlu Muscat f’Birkirkara fejn f’leħħa bena pastur quddiemna. Dan il-pasturier spjegalna li pastur huwa magħmul bil-forom li huwa minnhom għandu madwar 50 waħda. Mill-forom li għandu joħroġ mat-80 pasturi differenti. Dan għax uħud minnhom isiru mill-istess forma imbagħad ibiddel u jżid skont il-karattru li jixtieq joħroġ. 

Fid-dimostrazzjoni rajna kif mill-barmil tat-tafal qata’ biċċa, pressa t-tafal fuq iż-żewġ naħat tal-kontro forma li hija magħmula mill-ġibs verġni; żebgħah bi ftit ilma mħallat bit-tafal, għalaqhom u jagħfashom sew flimkien. Wara qala’ l-pastur mill-forma, qata’ ż-żejjed u beda bid-dettalji fejn żied l-idejn, l-aċċessorji meħtieġa u naqqax il-fattizzi, is-swaba’ u s-saqajn. Hekk il-forma tal-pastur kienet lesta u wara qalilna li dan irid jitħalla jinxef.

Wara dan il-proċess, Muscat qalilna li l-pastur imbagħad jingħata passata ilma biex ineħħulu ż-żejjed li jkollu, jiġi xkattlat u rfinut. Wara, oħra ilma u meta jinxef kompletament, mart Pawlu tibda tiżboh il-pasturi b’kuluri tat-tip Acrylic. Din tlestihulu mingħajr il-fattizzi. Dawn tal-aħħar jagħmilhom huwa biex ikun jista’ jidhol f’ċertu dettal. 

Dan il-pasturier speċifika li, “il-pasturi tagħna nagħmluhom bit-tafal ta’ barra. Qabel kienu jużaw it-tafal ta’ Malta. Nużaw it-tafal ta’ barra għax ta’ Malta jista’ jagħtik il-problemi. Bħala saħħa ta’ Malta huwa aktar imma mbagħad jista’ jkun mielaħ minħabba li r-raxx tal-baħar jilħaq kullimkien”. L-għodda li juża jixtriha mill-ħwienet tal-crafts. 

Dettall interessanti li tana huwa dak li l-forma tkun b’wiċċ ta’ mara. Jekk imbagħad, il-karattru jkun raġel, Muscat iżidlu d-daqqna u l-fattizzi sinonimi mas-sess maskili. Mentri, jekk il-pastur ikun ta’ anzjan jew anzjana, huwa jagħmlilhom il-linji tat-tikmix fuq il-moħħ, bejn l-għajnejn u f’ħaddejhom. 

“Huwa importanti li l-pasturi Maltin ma toqgħodx tirfina ħafna fihom għax qabel ma kinux rfinuti. Ġieli l-wiċċ kien ikun ċatt … trid iżżomm dik ix-xi ħaġa Maltija u allura tgħaqqadhom nofs bin-nofs”

Pawlu Muscat

Dan il-pasturier saħaq li, “huwa importanti li l-pasturi Maltin ma toqgħodx tirfina ħafna fihom għax qabel ma kienux rfinuti. Ġieli l-wiċċ kien ikun ċatt. Kont tinduna li kien ikun hemm għajnejn u ħalq għax kienu jpenġuhom bojod u x-xuftejn roża. Jien qiegħed inżommhom kemm jista’ jkun fuq dak l-istil imma trid tikkompeti ma’ tal-plastik li huma rfinuti ħafna. Fl-istess ħin trid iżżomm dik ix-xi ħaġa Maltija u allura tgħaqqadhom nofs bin-nofs. Il-kbar min-naħa l-oħra, jiġu rfinuti aktar”. 

F’dan l-eżerċizzju nnotajna li Muscat lanqas għandu bżonn iħares lejn il-pastur biex jaħdmu. Tant dera, li m’għandux għalfejn. Ta’ min jgħid però, li minn din id-dimostrazzjoni qasira, stajna naraw kemm sempliċi pastur żgħir, jieħu xogħol. Iżda aktar minn xogħol, l-ingredjent sigriet hija dedikazzjoni kbira li għandu Pawlu Muscat li tul dawn is-snin tana tant pasturi tradizzjonali Maltin b’karattri uniċi li dari kienu jimxu fit-toroq tagħna u issa huma mmortalati fil-pasturi li npoġġu fil-presepji tagħna.  

ARA INTERVISTA SĦIĦA GĦADA FUQ IT-TORĊA

Sport