Thursday, December 26, 2024

Iż-żieda fil-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan… Kawża tal-ambjent favorevoli

... qegħdin noħolqulhom aħna stess

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Hemm bżonn li jsiru kontrolli ħalli nnaqsulhom l-opportunità li jbejtu speċjalment fil-ventilaturi, fl-ACs, isir bexx tas-siġar biex ma jsibux x’jieklu u li nnaqsu mill-iskart fit-toroq inkluż żibel u ikel tal-qtates. Għalija huwa relevanti li n-naħħala jagħmlu sehemhom u l-pubbliku ma jagħmilx sehemu. Il-pubbliku jrid jagħmel sehemu. Nemmen li wasalna f’punt li tittella’ kampanja nazzjonali u anke tingħata assistenza finanzjarja lil dawk l-individwi li jkollhom xi bejta fi djarhom ħalli jkunu jistgħu jagħmlu kontroll tal-pesti b’mod professjonali li jkun sigur u effettiv”.

Hekk qiegħed jissuġġerixxi Arnold Sciberras, konsulent fl-immaniġjar tal-pesti, dwar il-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, dak magħruf bħala “hornet”, tip ta’ żunżan li żdied fil-popolazzjoni tiegħu b’mod allarmanti u tingiża minn tiegħu, barra li tuġgħa ħafna u tibqa’ mmarkata, tista’ tkun ukoll perikoluża.

Il-bagħal taż-żunżan, kif ħafna minnha nnotaw, huwa tip ta’ żunżan kbir li f’dawn l-aħħar snin bdejna naraw aktar minnu. Gidma minn dan it-tip ta’ żunżan mhiex waħda desiderabbli. Anzi, hemm persuni li rrapportaw uġigħ pjuttost qawwi minn tali tingiża. Dan barra li hemm min huwa allerġiku għat-tingiż min-naħal u dan ifisser riperkussjonijiet fuq is-saħħa bi ħtieġa ta’ attenzjoni medika. Issa li qiegħed joqrob is-sajf, wieħed jittama li ma jerġax ikollna staġun sħuħ ieħor invażat bihom.

Fir-rigward Talk.mt tkellem fid-dettall ma’ Arnold Sciberras kif ukoll ġabar informazzjoni dwar ħidma mill-Ministeru tal-Agrikoltura għall-kontroll tal-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan. Sciberras qal li ż-żieda ta’ dan it-tip ta’ żunżan hija waħda allarmanti u ppunta subgħajh lejn l-ambjent favorevoli li qegħdin noħolqulhom aħna stess.

Filwaqt li spjega li s-sintomi tat-tingiża mill-hornet tvarja skont fejn tkun, huwa qal li din tikkawża ħruq kbir li jitla’ għar-ras, nefħa li ssir ballunu anke jinħass it-taħbit tal-qalb fil-post u l-ġilda tant tiġġebbed li tkun qisha se tinqala’ mill-bqija tal-ġisem.

“Din it-tingiża,” wissa dan l-espert, “tista’ tkun perikoluża b’mod partikolari f’etajiet vulnerabbli jiġifieri, fi tfal ta’ età żgħira jew inkella għall-anzjani, Fkażi bħal dawn, wieħed għandu immedjatament ikessaħ il-post tat-tingiża, juża krema kortison u jmur fil-polikinika għal attenzjoni medika”.

Mhux se neqirduh imma nistgħu nikkontrollawh…

F’pajjiżna l-bagħal taż-żunżan reġa’ qabad fl-2012 u dan gradwalment dejjem baqa’ jiżdied. Sciberras qalilna li, “ftit ilu dan kien laħaq il-quċċata tiegħu però fl-istess ħin in-nies saru aktar konxji dwaru minħabba li żdied l-għarfien fuq il-midja soċjali. F’dawn l-aħħar snin lill-apikultura baqa’ jsawwatha tant li kważi qeridha. Jien ili 11-il sena nħabbaq biex nikkontrollawh iżda issa, sfortunament inħoss li wasalna fi stat li qegħdin tard wisq. Ma rridx naqta’ qalb in-nies imma jien nemmen li m’hemmx lok li neqirduh kompletament. Hemm lok biss li nikkontrollawh”.

Dan l-espert sostna li din l-problema għandha tiġi indirizzata b’mod globali “għax din hija problema nazzjonali”. Huwa qal li nases apposta biex tkun ikkontrollata l-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan għandhom jintużaw dejjem. Filwaqt li spjega li l-irġejjen ħafna drabi jkunu moħbija ġol-ħitan u kważi huwa impossibbli toħroġhom, huwa speċifika li f’dan il-proċess mhumiex l-irġejjen biss li jinqabdu.
Hawn Sciberras enfasizza fl-importanza li ladarba l-bagħal taż-żunżan jibda jtir, attività li normalment isseħħ bejn April u Mejju, ikun tajjeb li nippruvaw naqbdu kemm jista’ jkun minnhom u dan japplika kemm għall-irġejjen, kif ukoll għall-ħaddiema.

Mhumiex jiżdiedu b’mod naturali…

Huwa spjega li f’Malta hawn ħafna bagħal taż-żunżan minħabba li aħna stess qegħdin nassistuhom biex jiżdiedu b’mod allarmanti. “Dawn mhumiex jiżdiedu b’mod naturali imma minħabba li għandna ambjent perfett għalihom fosthom kullimkien bil-briks u bil-fili. Dan huwa ideali għalihom biex ikattru għax l-aktar li jbejtu huwa f’postijiet urbani. Qegħdin ngħinuhom ukoll bl-iskart.

L-ammont ta’ proteini li narmu u l-ikel tal-qtates fit-toroq qegħdin jassitu biex il-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan tisplodi b’mod allarmanti. Kieku ma tikbirx daqshekk il-popolazzjoni, kieku dawn qegħdin jgħixu biss fuq insetti naturali. Li qiegħed jiġri huwa li tant kibret il-popolazzjoni tagħhom minħabba n-negliġenza tagħna, li żdiedu ferm fin-numru tagħhom u ovvjament dawn qegħdin jaffettwaw lin-natura,” kompla Sciberras.

Bħala espert fil-qasam huwa qal li lokalment dejjem insemmu li l-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan qiegħda taffettwa lin-naħla però, skont huwa, dawn qegħdin jaffetwaw popolazzjonijiet ta’ insetti oħra fosthom speċi ta’ żnażan differenti, friefet u anke ġurati. “Dawn qegħdin fil-periklu wkoll imma s’issa dejjem bqajna niffokaw fuq in-naħla,” irribatta Sciberras.

X’nagħmlu f’każ li naraw bagħal taż-żunżan?

Mistoqsi kif il-pubbliku jista’ jevita li jitniggeż mill-bagħal taż-żunżan, huwa qal li fejn naraw bejta fil-viċin, għandna nevitaw li nersqu lejha. Dan minħabba li l-bagħal taż-żunżan huma territorjali ħafna u biex tkun eliminata huwa importanti li tintalab assistenza professjonali.

Min-naħa tiegħu huwa temm billi wissa, “tippruvawx tagħmluha ta’ eroj u tneħħuha intom għax dawn huma insetti verament perikolużi. Fejn u meta tarawhom imorru għall-ikel, tavviċinawhomx u tippruvax tgerrxuhom. Jekk inti għaddej fit-triq u hemm hornet, dan mhuwiex se jattakkak għal xejn. Ebda annimal ma jattakkak għal xejn. Mhumiex kattivi imma huma territorjali mmens u anke jiddefendu ħafna lilhom infushom”.

Rigward ħidma għall-kontroll tal-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan fil-fatt fil-parlament ħarġet informazzjoni fejn ingħad li lejn l-aħħar tal-2022 id-Direttorat għall-Agrikoltura organizza numru ta’ korsijiet lin-naħħal dwar il-bagħal taż-żunżan. F’dawn il-korsijiet ingħata għarfien dwar iċ-ċiklu bijoloġiku ta’ dan l-insett kif ukoll fuq il-mezzi li hemm bżonn biex dan l-insett jiġi kkontrollat.

Għal dan il-għan il-Ministeru ħejja wkoll dimostrazzjonijiet ta’ kif wieħed għandu jibni nases apposta biex jinqabdu l-irġejjen tal-bagħal taż-żunżan fir-rebbiegħa. Dan għax skont l-istess informazzjoni magħtija, minn studji xjentifiċi rriżulta li l-aktar mod effiċjenti ta’ kontroll tal-bagħal taż-żunżan huwa li jinqabdu l-irġejjen qabel ma jbejtu.

Skema ta’ għajnuna biex tkopri ħsara kkawżata minnhom

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li, “il-Ministeru matul ix-xhur li għaddew kompla jinforma lis-settur tal-agikoltura bil-bżonn li jitqiegħdu nases għall-irġejjen fil-perjodu tal-ħarifa. Ta’ min isemmi li fi Frar ta’ din is-sena, il-Ministeru ħejja skema ta’ għajnuna lin-naħħala biex jingħataw kumpens għat-telf ta’ produzzjoni marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, kif ukoll biex isservi ta’ stimulu ħalli n-naħħala jinvestu f’nases fil-perjodu tar-rebbiegħa biex b’hekk jinqabdu l-irġejjen”.

Il-Ministru Anton Refalo qal li għalkemm għadu kmieni biex wieħed jevalwa l-impatt ta’ dan ix-xogħol, diġà jidher ċar li n-naħħala qegħdin jaqbdu numru sostanzjali ta’ rġejjen. Huwa li kien qiegħed jirrispondi għal interprellanza mid-Deputata tal-PN, Graziella Galea, sostna li, “dan huwa importanti għax kull reġina li tinqabad f’dan il-perjodu tirriżulta fi tnaqqis tal-bagħal taż-żunzan fil-jiem sajfin”.

Ekonomija

Sport