Sunday, December 22, 2024

Iż-żieda fir-rati ta’ interess … għadu kmieni biex nikkummentaw fuq l-implikazzjoni għall-ekonomija u l-pubbliku

Il-Bank of Valletta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ma ħassx li hemm bżonn ta’ reviżjonijiet fl-arranġamenti dwar ir-rati ta’ interessi li joffri lill-klijenti tiegħu, kemm dawk li jiddepożitaw kif ukoll dawk li jisselfu, ħlief f’dawk l-istanzi fejn is-self huwa marbut mal-Euribor fejn iż-żieda hija awomatika. Proprju fl-aħħar xhur rajna l-Bank Ċentrali Ewropew u għadd ta’ banek oħra madwar id-dinja jerġgħu jibdew jgħollu ir-rati ta’ interessi u dan biex jilqgħu għaż-żieda fil-prezzijiet  u l-inflazzjoni li laqtet id-dinja b’mod partikolari wara li bdiet il-gwerra fl-Ukrajna. Hu fatt li meta jiżdiedu ir-rati ta’ interessi, jonqos il-konsum u b’hekk tonqos il-pressjoni fuq iż-żieda fil-prezzijiet. Żieda fl-interessi, apparti li taffettwa lil dawk li għandhom depożiti taffettwa ukoll imma b’mod negattiv lil min ikun issellef mill-istess banek għax dawn jispiċċaw iħallsu rati ta’ interessi għola.

Quddiem iż-żidiet fir-rati ta’ interessi mill-Bank Ċentrali Ewropew, fejn ix-xejra hi li dawn se jkomplu jiżdiedu, dan is-sit tkellem mal-Bank of Valletta.  Mistoqsi dwar ir-rati ta’ interessi, l-Bank of Valletta qalilna li ‘il-Bank ma ħassx li hemm bżonn ta’ reviżjonijiet fl-arranġamenti dwar ir-rati ta’ interessi li joffri lill-klijenti tiegħu, kemm dawk li jiddepożitaw kif ukoll dawk li jisselfu, ħlief f’dawk l-istanzi fejn is-self huwa marbut mal-Euribor fejn iż-żieda hija awomatika.” L-istess bank qalilna li għadu kmieni biex jikkummenta dwar l-immplikazzjonijiet għall-ekonomija u l-pubbliku minn żieda fir-rati ta’ interessi.

Fil-kummenti tiegħu, il-Bank of Valletta qalilna li “ż-żieda fir-rati tal-imgħax relatati mħabbra mill-Bank Ċentrali Ewropew hija maħsuba biex trażżan l-inflazzjoni tal-prezzijiet li issa hija ferm ogħla mill-miri ta’ 2 fil-mija. Rati tal-imgħax ogħla jgħinu biex titnaqqas l-inflazzjoni b’żewġ modi. L-ewwelnett, iżidu d-domanda mill-investituri għall-ewro, u b’hekk isostnu l-valur tiegħu. Dan itejjeb il-poter tal-akkwist tal-ewro għal oġġetti u servizzi – speċjalment riżorsi – li huma importati minn barra ż-żona tal-ewro. It-tieni, f’ekonomiji fejn rati tal-imgħax ogħla kif imħabbar mill-Bank Ċentrali Ewropew jirriżultaw f’żidiet fir-rati tad-depożiti bankarji u tas-self, jista’ jkun hemm inqas nefqa mill-konsumaturi u mill-intraprizi, u għaldaqstant dan iwassal biex ikun hemm tnaqqsis fuq il-pressjonijiet ta’ zidiet fil-prezzijiet. Huwa importanti li wieħed jiftakar li dawn l-effetti jistgħu jtaffu l-ammont, iżda mhux il-kawża fundamentali, tal-inflazzjoni straordinarja attwali, li qed toriġina mill-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel kaġun tal-kunflitt tal-Ukrajna.”

Il-Bank of Valletta iddikjara li “għadu kmieni biex nikkummentaw dwar l-implikazzjonijiet ta’ dawn l-aħħar żviluppi għall-ekonomija u l-pubbliku ġenerali, f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra taż-żona ewro. Ħafna se jiddependi fuq ir-rata li biha l-inflazzjoni fiż-żona ewro se tkun qed tonqos fix-xhur li ġejjin. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew indika bil-qawwa li se jkompli jsegwi mill-qrib l-iżviluppi li għaddejjin u jadatta l-pożizzjoni tiegħu kif meħtieġ. Dan se jiddetta jekk iż-żieda fir-rati tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew tiżviluppax f’sitwazzjoni permanenti u mhux tranżitorja. Tipikament, l-attività ekonomika tkun influwenzata prinċipalment minn bidliet permanenti fl-inflazzjoni u r-rati tal-imgħax.”

Enfasizza li “sa dan il-punt, il-Bank of Valletta ma ħassx li hemm bżonn ta’ reviżjonijiet fl-arranġamenti dwar ir-rati ta’ interessi li joffri lill-klijenti tiegħu, kemm dawk li jiddepożitaw kif ukoll dawk li jisselfu, ħlief f’dawk l-istanzi fejn is-self huwa marbut mal-Euribor fejn iż-żieda hija awomatika. Il-Bank qiegħed ikompli isegwi mill-qrib l-andamenti, minn bosta aspetti bla preċedenti, fis-swieq finanzjarji u fil-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew.”

Ekonomija

Sport