Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru Caruana għamel referenza għal dan il-mument Qegħdin inressqu dan il-Budget f’mument meta d-dinja għadha qed tħabbat wiċċha ma’ inċertezza kbira. Il-gwerra fl-Ukrajna, ittensjonijiet fil-Lvant Nofsani, l-Istrett ta’ Hormuz bil-konsegwenti u tfixkil fil-kummerċ internazzjonali komplew jgħollu l-ispejjeż tal-enerġija u tat-trasport.
Stqarr li għal pajjiż żgħir u miftuħ bħal tagħna, dawn mhumiex aħbarijiet imbiegħda. Huma sfidi li jistgħu jolqtu direttament lill-familji, lill-ħaddiema u lin-negozji Maltin u Għawdxin. Meta jogħla l-prezz tal-enerġija, mhux biss jiżdied ilkont tad-dawl; tiżdied ukoll l-ispiża tal-produzzjoni, tat-trasport u tal-prodotti fuq l-ixkafef tal-ħwienet.
Tkabbir ekonomiku
Il-Ministru qal li t-tkabbir ekonomiku fl-2025 kien ta’ 4.7 fil-mija f’termini reali. Fl-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena t-tkabbir laħaq 4.4 fil-mija, meta l-medja tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 1.2 fil-mija.
Fl-ewwel nofs tal-2026, ilkonsum tal-familji żdied bi 3.4 fil-mija u l-investiment bi 8.2 fil-mija. It-turiżmu baqa’ jsaħħaħ l-attività ekonomika, flimkien mas-servizzi u mal-esportazzjoni ta’ prodotti elettroniċi. Fl-istess żmien, l-impjiegi żdiedu b’4.6 fil-mija. Il-kumpens għal kull impjegat żdied b’5.1 fil-mija, sinjal ta’ suq tax-xogħol dinamiku, għalkemm irridu nkomplu naħdmu sabiex intejbu l-produttività u l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.
Tenna li għall-2027 qed nistennew ukoll żieda ta’ 2.0 fil-mija fl-esportazzjonijiet, filwaqt li l-kontribut tal-esportazzjoni netta għat-tkabbir mistenni jerġa’ jkun wieħed pożittiv.
Rigward is-sussidju għal enerġija l-Ministru Caruana qal li din is-sena, is-sussidji sabiex ma jiżdidux il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils mistennija jiswew lill-Gvern madwar €392 miljun.
Stqarr li mingħajr dawn is-sussidji, l-ispiża tad-diżil tiżdied minn €20 għal €33.06 fil-ġimgħa għal kull karozza, filwaqt li l-kontijiet tad-dawl jiżdiedu minn €50 għal €85 fix-xahar. Dan ifisser li dar medja b’żewġ karozzi diżil qed tiffranka medja ta’ €2,000 f’sena f’sussidju bejn fjuwil u dawl.
Rigward l-inflazzjoni l-Ministru Caruana qal li f’Settembru, ir-rata tal-inflazzjoni f’Malta kienet ta’ 2.4 fil-mija, meta fiż-żona tal-ewro kienet ta’ 3.8 fil-mija. Għall-2026 u l-2027 qed inbassru inflazzjoni ta’ 2.5 u 2.7 fil-mija rispettivament. Dan juri l-valur tal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, mingħajr ma ninsew li l-prezzijiet tal-ikel u tas-servizzi għadhom joħolqu pressjonijiet reali.
Ħabbar li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun dik ta’ €6.41 fil-ġimgħa.
Il-Ministru fakkar li f’Ġunju li għadda, Malta ħarġet mill-proċedura Ewropea tad-defiċit eċċessiv; id-dejn jibqa’ ferm taħt il-limitu Ewropew, u d-defiċit taħt it-3.0 fil-mija. Din il-prudenza tagħtina l-kredibbiltà u l-ispazju biex nilqgħu għaxxokkijiet, mingħajr ma ngħabbu lill-familji u n-negozji biż-żidiet li ġejjin minn barra.
