Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Caruana ħabbar li l-Gvern se jkun qiegħed iħallas l-ispejjeż kollha marbuta ma’ terapiji meħtieġa għal tfal b’diżabilità taħt it-18-il sena.
Intant, se jingħataw sa sentejn ta’ krediti lil impjegati li jqattgħu perjodu temporanju barra mix-xogħol minħabba problemi ta’ saħħa mentali jew minħabba vjolenza domestika.
Se jingħataw il-krediti wkoll lil żgħażagħ bi problemi ta’ mġiba li jgħaddu żmien jirriabilitaw irwiehom, inkluż fuq ordni ġudizzjarju, biex jintegraw lura fis-soċjetà u fl-istess ħin jitħarrġu f’sengħa u jkunu mgħejuna jiftħu negozju għal rashom jew isibu impjieg.
Iż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, inkluż il-COLA, se jkunu riflessi f’rati ogħla li jitħallsu lil madwar 15,000 persuna b’diżabilita’ u carers u persuni li jirċievu l-assistenzi soċjali.
L-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità severa se tkun qed tiżdied b’€9.37 fil-ġimgħa waqt li l-Assistenza għal Diżabilita’ Severa, l-Assistenza għal Diżabilità, l-Assistenza għal Persuni b’Vista Batuta, il-Benefiċċju għal Diżabilta’, l-Allowance Miżjuda għal Carers, l-Allowance għal Carers u l-Assistenza Soċjali se jiżdiedu b’€6.41 fil-ġimgħa.
