F’dan il-budget tħabbar pakkett ieħor b’saħħtu ta’ miżuri soċjali li jaqbeż il-€121 miljun. Il-Paga Minima Nazzjonali fl-2027 se tiżdied €10.41 fil-ġimgħa, liema żieda tinkludi l-COLA.
Il-Gvern dalwaqt se jkun qiegħed jaħtar mill-ġdid il-Kummissjoni dwar l-Pagi Baxxisabiex flimkien mal-imsieħba soċjali, is-sena d-dieħla jsir ftehim ġdid dwar kemm għandha tkun il-Paga Minima Nazzjonali mill-2028 ’il quddiem.
Mill-2027 ’il quddiem se jkun permess li jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn konjuġi li jkollu pensjoni għal konjuġi li ma jkollhiex pensjoni.
Minn Jannar li ġej, il-pensjoni tal-irtirar, tal-invalidità, ir-romol u kif ukoll l-anzjani li jirċievu l-pensjoni tal-età se jingħataw żieda ta’ €10 fil-ġimgħa. Din se tkun l-ewwel żieda mill-€50 fil-ġimgħa li ġiet imwiegħda tul il-kampanja elettorali.
Id-Dħul Pensjonabbli Massimu tal-pensjonanti mwielda qabel l-1962 se jiżdied għal €28,000. Aktar minn 7,000 romol se jkollhom żidda oħra fil-pensjoni tagħhom u r-romol kollha issa se jkunu qed igawdu minn pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi.
Anomalija oħra li se titneħħa sas-sena d-dieħla u wegħda oħra mwettqa hi d-diskrepanza fir-rati tal-bonus tal-għoli tal-ħajja li jitħallsu l-pensjonanti flimkien mal-pensjoni. Irrispettivament mis-sena li fiha rtiraw, kull pensjonanti fl-2027 se jitħallas l-istess rata fissa ta’ €21.53 fil-ġimgħa.
Il-limitu tad-dħul minn pensjonijiet li fuqu ma titħallasx taxxa, se jiżdied b’€520 fis-sena għal €37,624 fis-sena.
Għal dawk il-persuni, l-aktar nisa miżżewġa, li minkejja l-miżuri li ssemmew, xorta waħda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma jkollhomx bolol biżżejjed, mis-sena d-dieħla r-rata tal-bonus li jirċievu, kif wegħidniehom ser tibda tiżdied bl-istess ammont taż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja.
Għalhekk, ir-rati tal-bonus is-sena d-dieħla se jiżdiedu bi €333.32 fis-sena u se jvarjaw bejn aktar minn €933 u €1,383 fis-sena.
Se jerġa’ jitħaddem il-mekkaniż mu addizzjonali tal-COLA sabiex familji u persuni bi dħul baxx jew medju jingħataw ħlas addizzjonali biex ilaħħqu aħjar mal-ħajja.
Fl-ewwel nofs tas-sena l-ġdida, madwar 14,000 familja se jkunu intitolati għal ħlas ta’ €500 għal kull wild f’edukazzjoni postsekondarja.
Is-sena d-dieħla, il-Carers Grant se titla’ għal €7,500 fis-sena. Dan filwaqt li l-benefiċċju fir-rigward tal-iskema tal-Carer at Home li titħallas lill-anzjani li jimpjegaw carer full-time se tiżdied bi €800 oħra għal €9,800 fis-sena.
Is-sena d-dieħla ir-rimborż tal-ispejjeż se jiżdied b’€1,000 għal €13,000 għal familji li jaddottaw tfal minn barra ’l pajjiż.
Persuni li jaħdmu u li jibdew jiffosterjaw, se jkollhom dritt għal leave addizzjonali ta’ 10 ijiem ta’ xogħol, jiġifieri l-ekwivalenti tal-leave tal-paternità, li se jagħmel tajjeb għalih il-Gvern.
Se jitfassal ukoll qafas ta’ appoġġ u benefiċċji biex jiġu megħjuna ż-żgħażagħ jgħaddu għal ħajja indipendenti wara żmien jgħixu f’istituzzjonijiet għall-adolexxenti.
Barra minn hekk, l-Allowance Supplimentari għal Orfni se tkun estiża mill-età ta’ 21 sena sa 25 sena, f’każ li tali orfni jkun għadu fl-edukazzjoni terzjarja, jew sa 6 xhur wara li jiggradwa u jibda jaħdem, liema tiġi l-ewwel.
Ir-rata f’dan il-każ tkun ogħla u se tkun ta’ €170 fil-ġimgħa sabiex dawn iż-żgħażagħ ngħinuhom bl-aħjar mod possibbli.
