Mill-1 ta’ Jannar li ġej l-eko-kontribuzzjoni li trid titħallas minn dawk li jirrisjedu f’akkomodazzjoni kollettiva se tkun dik ta’ €8.00 kull lejl sa massimu ta’ €64.00 kull persuna.
Ir-rata tal-eko-kontribuzzjoni għal dawk li jirrisjedu f’appartamenti hekk magħrufa bħala short lets se tkun dik ta’ €10.00 kull lejl sa massimu ta’ €80.00 kull persuna.
Se tkun introdotta eko-kontribuzzjoni għall-passiġġieri li jżuru Malta abbord cruiseliners. Il-ħlas nominali ta’ €10.00 se japplika għal dawk it-turisti li jiżbarkaw u jerġgħu jimbarkaw fuq l-istess cruise liner f’pajjiżna. Din il-kontribuzzjoni mhix se tapplika għal dawk il-passiġġieri li jibdew il-cruise tagħhom minn Malta.
Il-Gvern se jintroduċi wkoll ħlas ta’ €5 fis-sistema li qiegħda titħaddem bħala eko-kontribuzzjoni mit-turisti li jżuru Kemmuna.
Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll żieda fit-tariffa fuq il-permess tax-xogħol għal ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. It-tariffa għal applikazzjoni ġdida ser tiżdied b’€200 u għalhekk titla’ minn €600 għal €800 kull persuna.
Ser ikun hemm tariffa ġdida ta’ €400 li trid titħallas kemm mill-applikanti ġodda, kif ukoll minn dawk li se jġeddu l-permessi tagħhom. Din it-tariffa l-ġdida trid titħallas ta’ kull sena. Inżid ukoll, li bosta mill-permessi li joħorġu minn Identità se jkollhom it-tariffi riveduti ’l fuq.
Minn Jannar li ġej, it-transport pubbliku b’xejn ser jibqa’ biss għal Maltin u Għawdxin, ċittadini residenti tal-Unjoni Ewropea u dawk li huma Long Term Residents.
Il-viżitaturi b’liċenzja maħruġa barra mill-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu isuqu biha sa tnax-il xahar minn kull dħul f’Malta.
Min jingħata permess ta’ residenza jista’ jsuq biha darba waħda biss, għal tnax-il xahar mid-dħul tiegħu f’Malta, u dan il-perjodu ma jerġax jibda jgħodd jekk joħroġ u jerġa’ jidħol.
Min diġà għandu permess, iż-żmien jgħodd mill-aħħar dħul tiegħu qabel l-1 ta’ Jannar 2027.
Wara, irid ikollu liċenzja Maltija jew Ewropea. Is-sewwieqa b’permess ta’ residenza għal xogħol speċifiku ta’ sewqan huma eżentati.
Se jiġi introdott ukoll dritt amministrattiv ta’ €83 fix-xahar fuq detenturi ta’ liċenzi tal-kategoriji B u B1 maħruġa jew imġedda minn dik id-data.
Huma eżentati ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u taż-Żona Ekonomika Ewropea, ir-residenti b’permess fit-tul, il-konjuġi tagħhom, iċ-ċittadini tar-Renju Unit, tal-Awstralja u tal-Emirati Għarab Magħquda, u min għandu permess ta’ residenza għal xogħol speċifiku ta’ sewqan.
Il-liċenzja tiskadi mal-permess ta’ residenza u ma tiġġeddidx jekk ikun hemm ħlas dovut.
