Thursday, October 2, 2025

Iż-żjara ta’ Fr Fabio Attard bħala Rettur Maġġur bla dubju hi meqjusa bħala storika … se jġib miegħu messaġġ ta’ tiġdid

Aqra wkoll

Meta riċentement ħarġet l-aħbar li Fr Fabio Attard SDB kien inħatar bħala r-Rettur Maġġur tas-Salezjani ta’ Don Bosco, ħafna minna ħassejna mument ta’ ferħ u gratitudni. Imma issa li wasal il-jum li fih Fr Fabio qed iżur Malta, pajjiżu stess, fl-ewwel darba wara l-elezzjoni tiegħu f’April li għadda, din is-sensazzjoni saret ħafna iktar intima u personali. Huwa mument li jġib miegħu tiġdid, kuraġġ u entużjażmu, mhux biss għall-Familja Salesjana, iżda wkoll għal kull min jemmen fil-karizma ta’ Don Bosco u fix-xogħol tiegħu maż-żgħażagħ.

Meta Fr Fabio wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta grupp ta’ nies mill-Familja Sależjana, żgħażagħ, lajċi u reliġjużi kienu hemm biex jilqgħuh. Kien mument ta’ emozzjoni kbira; mhux xi ħaġa ta’ kuljum ikollok l-opportunità tilqa’ lill-11-il suċċessur ta’ Don Bosco, u għal ħafna kien aktar speċjali għax Fr Fabio huwa Malti bħalna. Kif stajna nħossu aħna li konna preżenti għal din il-miġja u kif irrimarkaw ukoll dawk preżenti, kienet tassew ġieh u privileġġ li ż-żgħażagħ jilqgħu lill-ewwel Malti li qiegħed imexxi lill-Familja Sależjana madwar id-dinja. Aħna ħadnilu kumment żgħir eżatt kif kien ħiereġ mill-ajruport.

“Meta nħarsu lejn Don Bosco, iż-żgħażagħ jsibu fih figura ta’ missier, ħabib u mexxej spiritwali. L-edukazzjoni li hu għamel fi żmienu, illum għadha tagħti frott permezz tas-sistema preventiva tiegħu li tgħaqqad il-“Raġuni, Reliġjon u Mħabba”. F’din iż-żjara tiegħi, bħala żagħżugħ jien kont qed nirrimarka li kull laqgħa, kull quddiesa, kull ċelebrazzjoni kienet qed tistedinna biex nistaqsu: x’jgħallimna Don Bosco llum? Kif nistgħu ngħixu l-valuri tiegħu f’soċjetà li qed tinbidel tant malajr? Din iż-żjara qed tagħtina l-opportunità nwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet b’mod konkret.”

Il-programm tal-erbat ijiem żgur se jkun mimli laqgħat importanti u sinifikanti. Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Ottubru, Fr Fabio se jiftaħ l-akkademiku fl-MCAST, imbagħad iwettaq żjarat ta’ kortesija lill-Arċisqof Charles J. Scicluna u lill-President tar-Repubblika, H.E. Myriam Spiteri Debono. Dawn il-mumenti juru l-importanza mhux biss reliġjuża, imma wkoll soċjali u kulturali tal-preżenza Salesjana f’pajjiżna.

Aktar tard fil-jum, Fr Fabio se jżur id-Dar tal-Kleru u filgħaxija jmexxi quddiesa f’Ħaż-Żabbar flimkien ma’ dawk imsejħa Figlie di Maria Ausiliatrice u diversi gruppi parrokkjali.

“Ovvjament dan se jkun mument ta’ talb u radd il-ħajr li jġib flimkien diversi realtajiet ekkleżjali f’armonija.”

Nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru, il-programm se jkun jinkludi żjara lin-Nunzju Appostoliku, intervista fuq Radju Marija u laqgħa maż-żgħażagħ f’Savio College.

“ L-entużjażmu taż-żgħażagħ, il-kant, il-ferħ u l-ħajja li jħaddnu huma, kienu rifless ċar tal-karizma ta’ Don Bosco li jien ġejt biex insaħħaħ dan kollu fostna. Bqajt mistagħġeb bil-laqgħa kbira li kelli fl-ajruport meta wasalt.”

Is-Sibt li ġej, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, se ssir Quddiesa Konċelebrata għas-Salesjani kollha, b’parteċipazzjoni kbira tal-Familja Salesjana, li għal darb’oħra rrimarkat li l-karizma ta’ Don Bosco hawn Malta għandha għeruq sodi.

Il-Ħadd 5 ta’ Ottubru, Fr Fabio se jaqsam lejn Għawdex. Hemmhekk se jżur iċ-ċimiterju bħala mument ta’ talb għall-ġenituri tiegħu u għal xi nies li mietu. Waqt li se jżur lis-Sorijiet Salesjani fir-Rabat Għawdex u l-parroċċa ta’ Fontana, se jkun hemm ukoll il-ġest sinifikattiv tat-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija tiegħu. Wara, se jkun hemm ċelebrazzjoni kbira fl-Oratorju Don Bosco li ġiet imżejna bil-preżenza taż-Żgħażagħ Oratorju, Scouts u diversi gruppi oħra.

Il-Quddiesa konċelebrata fil-kappella tal-Oratorju Don Bosco żgur li se tkun mument ta’ qawwa spiritwali, li fiha dawk preżenti se jħossu li aħna lkoll parti minn familja waħda kbira, marbuta mhux biss minn istituzzjoni jew minn storja, imma minn esperjenza ħajja ta’ fidi. Aktar tard, Fr Fabio se jżur is-Santwarju ta’ Ta’ Pinu għal talb għas-sliem fid-dinja u għat-tiġdid tal-professjoni Sależjana, u mbagħad il-Katidral ta’ Għawdex qabel jingħalaq kollox b’vespri solenni fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.

Din iż-żjara għandha tifsira akbar milli tidher. Mhijiex biss żjara ta’ kap reliġjuż, iżda mument li jġib miegħu tama u kuraġġ ġdid. Fr Fabio bħala Malti, qed jagħtina wkoll sinjal qawwi li anke f’pajjiż żgħir bħal tagħna tista’ tgħix karizma universali u globali. Kien sinjifikanti li fi żmien meta l-Knisja Maltija qed tħares lejn il-futur b’ħafna sfidi, din iż-

żjara qed ittina xhieda ta’ fiduċja li s-Salesjani se jibqgħu preżenti, attivi u ta’ servizz.

Hu temm din l-intervista billi qalilna hekk:

“Jien bħala parti minn din il-Familja nħossni kburi li nista’ ngħix dawn il-mumenti. Kull laqgħa kienet xhieda li l-karizma ta’ Don Bosco għadha ħajja, li l-valuri tiegħu għadhom validi u li l-ħidma tiegħu għadha meħtieġa. Jien dejjem inħobb nitkellem b’umilta’ u b’ferħ. Jien ma ġejtx hawn bħala figura ta’ poter, imma bħala missier li jrid jisma’, jinkoraġġixxi u jħaddan.”

Iż-żjara ta’ Fr Fabio Attard bħala Rettur Maġġur bla dubju hi meqjusa bħala storika. Mhijiex biss għaliex huwa Malti, iżda għaliex se jġib miegħu messaġġ ta’ tiġdid, ta’ kuraġġ u ta’ fidi. Għall-Familja Sależjana, dan hu mument ta’ ferħ u radd il-ħajr. Għaż-żgħażagħ, hi stedina li ngħixu b’mod konkret il-valuri ta’ Don Bosco: li nkunu onesti, li nħobbu u li nkunu ferrieħa. U għal Malta kollha, hi xhieda li l-karizma ta’ Don Bosco għandha sehem importanti fil-ħajja ekkleżjastika u soċjali tal-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport