Monday, November 11, 2024

Iż-żjara ta’ Pelosi twassal għal taħriġ militari kbir miċ-Ċina qrib it-Tajwan

Aqra wkoll

Iċ-Ċina sparat numru ta’ missili f’żoni qrib ħafna tat-Tajwan, u dan hekk kif tal-ewwel skattat b’taħriġ militari kbir wara ż-żjara li Nancy Pelosi għamlet ġewwa  Taipei Iż-żjara li l-Ispeaker tar-Kam­ra tar-Rappreżentati tal-Is­tati Uniti għamlet ġewwa t-Tajwan xejn ma niżlet tajjeb mal-uffiċjali taċ-Ċina hekk kif dawn iqisu lit-Tajwan bħala parti miċ-Ċina u b’hekk qed iħossu li nkisret is-sovranità territorjali ta’ pajjiżhom. 

It-taħriġ taċ-Ċina beda lbieraħ u se jkompli għaddej sa nhar il-Ħadd li ġej. Skont l-istazzjon tal-istat Ċiniż CCTV, dan it-taħriġ se jkun l-ikbar wieħed li ċ-Ċina qatt għamlet fl-Istrett tat-Tajwan u se jkun jinkludi sparar ta’ munizzjon veru fl-ibħra u anke fl-ispazju tal-ajru madwar it-Tajwan. Apparti hekk, kien irrapportat ukoll li ċ-Ċina sparat għadd ta’ missili fl-ibħra fil-Lvant tat-Tajwan u dan ukoll bħala parti mit-taħriġ militari. L-aħħar darba li ċ-Ċina kienet sparat missili f’dawn iż-żoni kien lura fl-1996.

Min-naħa tagħhom l-uf­fiċjali tat-Tajwan qalu li dan it-taħriġ qiegħed imur kontra r-regoli tan-Nazzjonijiet Uniti u bihom iċ-Ċina invadiet l-ispazju tal-ajru u l-baħar tat-Tajwan. L-uffiċjali tat-Tajwan tennew li l-azzjonijiet taċ-Ċina huma sfida diretta għan-navigazzjoni ħielsa bil-baħar u l-ajru fiż-żona. Il-gvern tat-Tajwan, immexxi mill-Partit Demokratiku Progressiv, qal li dak li qed tagħmel iċ-Ċina huwa “irresponsabbli u illeġittimu”. It-taħriġ militari taċ-Ċina qiegħed isir proprju f’medda ta’ baħar importanti ħafna minħabba l-ammont kbir ta’ kummerċ li jgħaddi. 

 Intant, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina Wang Yi qal li ż-żjara ta’ Pelosi ġewwa t-Tajwan kienet mossa “manijatika, irresponsabbli u irrazzjonali”. Huwa tenna li ċ-Ċina għamlet dak kollu possibbli biex tevita kriżi, iżda fl-istess waqt hija qatt mhi se tħalli li l-interessi tagħha jiġu mittiefsa. 

Sport