Thursday, April 18, 2024

Jitħabbar l-ewwel proġett ta’ riġenerazzjoni ambjentali taħt is-sejħa ‘BELLUS’

Għajnuna finanzjarja lil St John Rescue Corps għar-restawr ta’ ġibjun ta’ madwar 137ft li jilqa’ madwar 660,000 litru ta’ ilma tax-xita.

Aqra wkoll

Tħabbar l-ewwel proġett ta’ riġenerazzjoni ambjentali taħt il-kappa ta’ BELLUS, iffinanzjat mill-Fond Ambjentali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Permezz ta’ għajnuna ta’ madwar €61,000, is-St John Rescue Corps (SJRC) se jkunu qed jirrestawraw ġibjun f’Forti Madliena.

Is-sejħa BELLUS – Better Environment in Our Local Urban Spaces – infetħet is-sena l-oħra, b’allokazzjoni totali ta’ €500,000. Wara l-evalwazzjoni tal-proposti, ingħażlu sitt proġetti li setgħu jirċievu sa massimu ta’ €100,000.

Il-proġett sottomess minn SJRC jinkludi l-manutenzjoni grad 1 ta’ ġibjun kbir, li jiflaħ mas-660,000 litru ta’ ilma tax-xita. Hekk kif jitlestew ix-xogħolijiet, voluntiera minn SJRC se jkunu jistgħu jużaw il-ġibjun biex jissupplixxu l-vetturi tagħhom tat-tifi tan-nar u għat-tisqija tas-siġar ta’ madwar il-forti.

Waqt żjara f’Forti Madliena mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u mill-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca, ġie spjegat li r-restawr se jinkludi t-tneħħija ta’ skart u ta’ ilma kkontaminat minn ġol-ġibjun, flimkien ma’ ħama u ma’ radam ieħor mill-qiegħ tal-ġibjun. Il-wiċċ tal-blat se jitnaddaf bl-idejn u se jsir xogħol biex jingħalqu fissuri. Xogħol ieħor jinkludi t-tneħħija ta’ ħxejjex invażivi li l-għeruq tagħhom qed jagħmlu ħsara lill-istruttura tal-ġibjun.

Waqt din iż-żjara, il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan l-investiment se jgħin biex l-ilma tax-xita jerġa’ jintuża b’mod sostenibbli.

“Is-sostenibbiltà hija parti essenzjali f’kull proġett li nagħmlu. Permezz ta’ dan il-proġett, l-ilma tax-xita se jintuża għat-tisqija tas-siġar u tal-pjanti madwar il-forti. Dan ir-restawr se jgħin ukoll lil St John Rescue Corps biex jimlew il-vetturi tat-tifi tan-nar bl-ilma għal meta jinqala’ l-bżonn li  l-voluntiera jassistu fit-tifi tan-nar. B’dan il-mod se nnaqqsu l-impatt fuq l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan,” spjegat il-Ministru Dalli.

Il-Kap tal-Operazzjonijiet ta’ SJRC Andrew Grech qal li, “St John Rescue Corps ilha f’din il-fortizza għal dawn l-aħħar 35 sena u minn dejjem ħassejna l-bżonn li nieħdu ħsieb din il-ġawhra storika ta’ arkitettura militari. Fil-prattika dan il-proġett se jgħinna fl-operat tagħna biex inkunu aktar effiċjenti bil-vetturi tat-tifi tan-nar waqt li nnaqqsu l-impatt ambjentali tagħna minħabba l-operat u l-użu tal-ilma.”

Dawn ix-xogħlijiet kollha se jkunu monitorjati mill-qrib u segwiti b’konsultazzjonijiet mal-ERA u ma’  kwalunkwe entità relevanti oħra.

Informazzjoni addizzjonali:

Il-Proġett BELLUS tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ambjentali kif ukoll iżid l-għarfien ambjentali.

Sitt proġetti ntgħażlu taħt is-sejħa BELLUS:

  • St John Rescue Corps – Restawr tal-ġibjun tal-ilma  fil-Forti Madliena, manutenzjoni ta’ kanali tal-ilma  u fosos li jassiguraw firxa ta’ ilma tax-xita fil-ġibjun.
  • Don Bosco Foundation Malta –  Xogħol ta’ rinnovazzjoni f’wieħed mill-faċilitajiet li se jinbidel fi green living hub.
  • MCAST – Installazzjoni ta’ 300 metru kwadru green roof fuq il-bejt tal-binja l-ġdida fl-MCAST Resource  Centre.
  • Kunsill Lokali taż-Żejtun – Tisbiħ ta’ Ġebel San Martin Ring Road u restawr ta’ ġebel tas-sejjieħ  u preservazzjoni tal-ilma fil-ġibjun, li jipprevjeni telf ta’ ħamrija u għargħar, protezzjoni tal-bijodiversità u jinkludi wkoll installazzjoni ta’ bankijiet, kontenituri għall-iskart u dawl tat-toroq.
  • Federazzjoni għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni – Propogazzjoni ta’ siġar lokali, arbuxelli u pjanti eżistenti fil-Buskett, kif ukoll tħawwil ta’ siġar bl-involviment tal-pubbliku u proviżjoni ta’ żrieragħ.
  • Kulleġġ Santu Wistin – Riġenerazzjoni tal-ġnien fil-kulleġġ flimkien ma żewġ żoni fuq il-bejt għal possibbiltà ta’ roof garden, bil-għan li aktar studenti jimpenjaw ruħhom u jqajmu kuxjenza ambjentali.
Ekonomija

Sport